Ix-xogħlijiet fi Triq Santa Katarina, Triq id-Dejqa u fi Triq Ġużeppi Pace, issa ilhom li bdew aktar minn sena. Kull xogħol infrastrutturali minnu nnifsu joħloq inkonvenjent għal min joqgħod biswitu jew jiffrekwenta l-akwata. F’dan il-każ l-inkonvenjent huwa wieħed estiż minħabba l-ammont ta’ xhur li qiegħed jieħu biex jitlesta dan ix-xogħol. Minbarra l-inkonvenjent lir-residenti, hemm ukoll il-fatt li dawn it-toroq kapaċi jkunu perikolużi fl-istat li qegħdin fihom, speċjalment meta tkun nieżla x-xita, għax dawn isiru jiżolqu ħafna, b’ċans li jweġġa’ xi ħadd li jkun għaddej minnhom.
B’referenza għall-minuti tal-laqgħa numru 17/8 tal-14 ta’ Jannar 2020 tal-Kunsill Lokali tal-Gudja, f’punt 0.17.8.b[2] jidher li x-xogħlijiet bdew b’tenders tal-Kunsill tal-Gudja. Però maż-żmien dan it-tender ġie mħassar mis-sitema tal-EPPS. Dakinhar il-Kunsill kien qabel unaninament li jitlob li Triq Santa Katerina ssir minn Infrastructure Malta filwaqt li l-Kunsill jerġa’ joħrog tenders għal Triq Ġużeppi Pace u Triq id-Dejqa. Però jidher li x-xogħol li għamlu Infrastructure Malta ma kienx wieħed ta’ kwalità tant li fil-minuti tal-laqgħa numru 35/8[3] tal-Kunsill lokali tal-Gudja, li saret fid-19 ta’ Novembru 2020, f’punt 035.10.1, is-Sindku tistqarr li hemm diversi xogħlijiet li l-Kunsill jixtieq li Infrastructure Malta tagħmel f’dawn it-toroq, fosthom sistema ta’ gutters. Is-Sindku talbet ukoll sabiex terġa’ ssir laqgħa oħra mal-periti tal-Kunsill u l-kuntrattur, flimkien mal-kunsilliera kollha, biex jiġu diskussi anke l-ispejjeż tax-xogħlijiet li ser jiżdiedu lill-kuntrattur tal-Kunsill minħabba xi nuqqasijiet li saru minn Infrastructure Malta.
Skali Gudja tixtieq tappella lill-Kunsill Lokali tal-Gudja biex jipprovdi aġġornament bl-aħħar żviluppi ta’ għalfejn ix-xogħol ilu wieqaf tant u qiegħed idum daqshekk biex jitlesta. Barra minn hekk Skali Gudja titlob ukoll informazzjoni ta’ kif se jkun qiegħed jimxi ’l quddiem dan il-proġett. Dan sabiex ir-residenti tal-Gudja, speċjalment min jgħix f’dawn it-toroq, jinżammu aġġornati u involuti f’dak li jkun qiegħed jiġri. L-Għaqda tappella wkoll lill-awtoritajiet u lil kull min hu involut f’dawn ix-xogħlijiet biex dawn jitlestew kemm jista’ jkun mill-aktar fis possibbli. Dan biex jonqos l-inkovenjent għar-residenti u kif ukoll l-perikli li joħolqu toroq li jitħallew għal żmien twil nofshom lesta.
[1] Ritratti – Ħajr lil SKALI Gudja









