Huma diversi t-toroq fil-Gudja u fil-pajjiż li dan l-aħħar kienu suġġetti għal proġetti ta’ titjib. Biss f’isem il-progress, faċli npoġġu l-enfasi fuq l-użu tat-toroq minn vetturi bil-magna u nwarrbu l-estetika u l-bijodiversità li nsibu fil-pajsaġġi.
Dak li seħħ illum (17 ta’ Lulju 2021) li ngħata l-asfalt fit-trejqa li tagħti minn Triq Birmiftuħ għall-kappella storika li hi skedata b’żona ta’ lqugħ madwarha minħabba s-sensittività arkeoloġika, huwa inaċċettabli. L-Għaqda SKALI Gudja tikkundanna dan l-att li sar!
Huma diversi dawk li fil-passat ġibdu l-attenzjoni, fuq midja soċjali, lill-Kunsill Lokali u lill-awtoritajiet, dwar il-possibbiltà ta’ cart ruts fit-trejqiet qalb ir-raba’. Li tingħata kisja asfalt mingħajr ma tiġi studjata ż-żona huwa riżultat ta’ xogħol mgħaġġel u mingħajr rispett għall-patrimonju u għall-ambjent ta’ raħalna. Huwa riżultat ta’ arroganza minn min kien responsabbli li jwettaq dan l-isfreġju mingħajr konsultazzjoni. L-Għaqda SKALI Gudja tappella sabiex immedjatament tittieħed azzjoni fil-pront u ż-żona terġa’ lura għall-istat li kienet.
L-Għaqda SKALI Gudja ser issegwi dan il-każ u ser tiġbed l-attenzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali dwar dak li seħħ illum f’raħalna, filwaqt li żżomm kuntatt, u jekk hemm bżonn tagħmel pressjoni lill-awtoritajiet konċernati.






