Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Gudja (15 ta’ Lulju 2022), SKALI Gudja preparat messaġġ għar-residenti tal-Gudja li ttella’ fuq Facebook.

Illum hu l-jum tal-15 ta’ Lulju, il-jum li fih infakkru jum il-lokalità tagħna, Jum il-Gudja. Ninsabu wkoll xahar biss qabel il-festa ta’ Santa Marija li tgħaqqad lill-poplu tar-raħal kollu f’ċelebrazzjoni waħda.
F’dan il-jum importanti għalina l-Gudja, nixtiequ nwasslu dan il-messaġġ tagħna bħala Għaqda. Ejjew ilkoll kemm aħna nkomplu nkunu kburin b’dak li jsawwarna bħala raħal. Kif nafu lkoll, il-Gudja huwa wieħed mill-irħula l-antiki ta’ pajjiżna u għalhekk huwa mogħni b’wirt kbir ta’ kull sura: storja, kultura, arkitettura, ambjent, arti u tant aktar. Xortina tajba li dawk ta’ qabilna li wkoll ħabbew lil dan ir-raħal għaddewlna dan il-patrimonju. Illum imiss lilna lkoll, kull wieħed u waħda minna li nagħtu s-sehem tagħna biex napprezzaw aktar dak li rċevejna u naħdmu biex ngħadduh lill-Gudjani li għad iridu jiġu warajna ħalli huma wkoll igawdu dan il-wirt.
Bħal f’kull familja, bejnietna wkoll ikun hemm differenzi t’opinjonijiet differenti, ta’ twemmin differenti, ta’ partiti differenti, iżda ejjew niftakru li aħna lkoll ulied dan ir-raħal. Meta ningħaqdu flimkien u naħdmu b’għan wieħed li naraw isem il-Gudja miexi ‘l quddiem, inkunu verament qed inħobbu u naħdmu għal dan ir-raħal. Is-sehem ta’ kull wieħed u waħda minna l-Gudjani huwa importanti ħafna.
L-eħfef ħaġa tkun li nistennew lil ħaddieħor li jagħmel xi ħaġa, iżda meta kull Gudjan u Gudjana naħdmu biex nieħdu ħsieb u mmexxu ‘l quddiem dak kollu li hu Gudjan, ir-riżultat ikun mill-isbaħ.

Mill-ġdid, nawguraw Jum il-Gudja lill-Gudja u lir-residenti kollha.

Nhar il-15 ta’ Lulju, Il-Kunsill Lokali tal-Gudja għoġbu jonora u juri apprezzament għall-ħidma tal-Għaqda bl-għoti ta’ Ġieħ il-Gudja, fl-okkazjoni ta’ Jum il-Gudja 2022. SKALI Gudja kienet waħda minn tliet għaqdiet li rċeviet dan l-unur flimkien ma’ ħames individwi.


Iktar Aġġornamenti