Kull raħal viċin il-bażijiet tar-Royal Airforce jiftakar is-Servizzi Ingliżi, u l-Gudja xejn b’inqas. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, Malta kellha l-RAF ta’ Ħal Far, Ta’ Kali u Ħal Luqa, li jinsab ftit ’il bogħod mill-Gudja. Ħal Luqa u l-madwar kienu fost l-iktar irħula milquta fil-gwerra, minħabba l-mitjar importanti li kien hemm f’Ħal Luqa. Il-Qrendi u Ħal Safi kellhom f’nofshom ukoll landing strips, iżda dawn kienu jservu biss bħala bażijiet foloz u sekondarji għall-ewwel snin tal-eżistenza tagħhom. Dawn saħansitra kienu mimlijn splussivi sabiex jiġu intuli f’każ t’attakk mill-parachutists.
Madwarhom kien hemm ukoll pillboxes; kmamar żgħar rinfurzati bil-konkos u b’ħoloq għall-armi tan-nar sabiex jiddefendu l-mitjar f’ każ ta’ invażjoni ta’ Malta, magħrufa bħala ‘Operation Herkules’. Fl-inħawi Ta’ Loretu, wieħed għadu jista’ jsib eżempji ċari ta’ dawn il-fortifikazzjonijiet Ingliżi. Dawn kienu ħolqa minn katina wiesgħa ta’ difiża għall-mitjar u għal postijiet strateġiċi oħra fin-Nofsinhar ta’ Malta. Minn qabel ma waslu Malta s-suldati tal-Hampshire Regiment, irċevew l-ordnijiet sabiex jiddefendu dawn l-inħawi. Minkejja li dar-riġment kien ibbażat ġewwa l-Palazz Dorell (ta’ Bettina), dawn kellhom ukoll suldati stazzjonati f’punti strateġiċi oħra. Wieħed minn dawn kien propju l-knisja tal-Madonna Ta’ Loretu u l-madwar tagħha.

Ara l-posts informattivi ta’ SKALI Gudja fuq Facebook
Tas-7 t’Ottubru u dik tat-8 t’Ottubru

Ara l-posts informattivi ta’ Battlefront Living History Group Malta fuq Facebook
Tad-19 t’Ottubru, tal-20 t’Ottubru u dik tal-21 t’Ottubru







SKALI Gudja flimkien ma Battlefront Living History Group Malta tellgħu l-attività li ġġib l-isem Ta’ Loretu: Storja ta’ Gwerra u Militar, nhar il-Ħadd 23 t’Ottubru wara nofsinhar, sabiex nerġgħu ngħixu lkoll flimkien iż-żminijiet tal-Gwerra madwar il-Pillbox ta’ Ta’ Loretu! Dawk li żaru din l-attività kellhom iċ-ċans iżuru din il-pillbox ġewwa l-Gudja, u jarawha armata kif kienet tkun fl-imgħoddi waqt li s-suldati Ingliżi jgħassu l-mitjar u l-istrippi tal-ajru fil-madwar. Din kienet l-ewwel darba fil-Gudja li pillbox infetħet għall-pubbliku, wara li l-Għaqda għamlet xogħol ta’ tindif ġewwa fiha. Din l-attività ttellgħet fl-okkażjoni tal-Jiem Ewropej tal-Wirt 2022 bil-kollaborazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Awtorità tal-Artijiet.
Għal din l-attività mżewqa b’rikreazzjonijet varji, l-attendenza kienet waħda numeruża u li timla l-Għaqda b’kuraġġ sabiex tkompli taħdem għal iktar attivitajiet marbutin mar-raħal tal-Gudja. Kien ta’ pjaċir u sodisfazzjon ukoll li bħala għaqda, SKALI Gudja ħadmet ma’ Jacob’s Brew Café – Pay It Forward sabiex ikunu preżenti waqt l-attività, li grazzi għall-bejgħ li sar waqt l-attività, ingħatat l-għajnuna lil 100 familja fil-bżonn.






















