Fit-22 t’April 2024, il-President u membri tal-Kumitat ta’ Skali Gudja iltaqgħu mal-President il-ġdid ta’ Din l-Art Ħelwa il-Perit Patrick Calleja. Din il-laqgħa li saret fil-Knisja ta’ Birmiftuh kienet waħda kordjali ħafna.
Matul il-laqgħa Dr Simon Manicolo filwaqt li feraħ lil Perit Calleja għal ħatra tiegħu bħala President ta’ Din l-Art Ħelwa tenna l-apprezzament tiegħu u tal-Kumitat għal ħidma fejjieda li dejjem wettqet u qed twettaq Din l-Art Ħelwa kemm fil-ħarsien, il-prezervazzjoni u l-apprezzament ta’ siti storiċi partikolarment f’Birmiftuh u kif ukoll fil-ħarsien tal-ambjent naturali ta’ pajjizna. Żied illi Skali Gudja sa mill-bidu tagħha fl-2020 kellha relazzjoni tajba ħafna ma’ din l-entita li ħafna drabi ssarrfet f’kollaborazzjoni attiva. Dr Manicolo tkellem dwar il-bidu ta’ Skali gudja u l-istrutturi tagħha u kif ukoll l-għanijiet li għalihom inħolqot l-għaqda fosthom it-tixrid tal-għarfien u l-apprezzament tal-patrimonju storiku u l-Ambjent naturali li huwa mżejjen bihom il-Gudja. Dr Manicolo enfasizza s-similarita fl-oġġettivi ta’ Skali Gudja ma’ dawk ta’ Din l-Art Ħelwa anke jekk fuq skala ferm iżgħar. Il-Perit Calleja wera interess partikolari u faħħar l-impenn ta’ Skali Gudja u l-membri tagħha f’dan is-sens u qal li dan l-aspett kien wieħed ammirevoli u ta’ min wieħed jinkoraġġih. Il-Perit Calleja qal li kien hemm ħtieġa ta’ kollaborazzjoni u li żgħażagħ jimpenjaw ruħhom fil-preservazzjoni u l-apprezzament ta’ dak li hu storiku u li jsawwar dawn il-gżejjer u li jagħmilhom uniċi. Il-President ta’ Skali rrefera għall-konnessjoni u l-importanza li l-Knisja ta’ Birmiftuh kellha għal Gudja u fil-qalb tal-Gudjani u f’dan is-sens talab li din tkun aktar aċċessibbli għal attivitajiet tal-Għaqda.
F’din il-laqgħa ma kienx jonqos illi ssir referenza għall-kollaborazzjoni bejn Skali Gudja u DLĦ fir-rigward tal-attivita’ dwar il-muniti ta’ żmien l-Ordni li ser tinżamm fl-24 ta’ Mejju proprju f’Birmiftuh. Minn naħa tiegħu, il-Perit Calleja wiegħed l-assistenza kollha minn Din l-Art Ħelwa biex din l-attività tkun suċċess.
Preżenti wkoll kien hemm is-Sur Felix Rizzo, voluntier ta’ DLĦ responsabbli minn Birmiftuħ.





