Attività oħra minn SKALI Gudja b’kollaborazzjoni ma’ Din l-Art Ħelwa, fil-Knisja ta’ Birmiftuħ nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju, 2024. Taħdita mis-Sur John Gatt, espert u kollezzjonista li twieled Malta iżda li kien emigra ta’ età żgħira flimkien mal-familja tiegħu lejn l-Awstralja.
Is-Sur Gatt li kien akkumpanjat minn martu Eileen tkellem fit-tul dwar iz-zekka ta’ Malta fi Żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, dwar tipi u serje differenti ta’ muniti u d-differenzi bejniethom u kif kull Gran Mastru kien ifittex li jħalli t-timbru tiegħu fis-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien, anke permezz tal-muniti li kienu jinħarġu fiċ-ċirkolazzjoni. Is-Sur Gatt tkellem ukoll dwar l-istudju tiegħu kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra, bħall-Italja u Ċipru, u qasam ma’ dawk preżenti l-imħabba tiegħu għal dan is-suġġett u l-għarfien u l-esperjenzi tiegħu bħala kollezzjonist. Tajjeb ngħidu li din l-attività ntlaqgħet tajjeb ħafna u l-atmosfera f’Birmiftuħ kienet stupenda. Din il-Knisja, teżor tant importanti b’rabta tant kbira mal-Gudja u l-istorja tiegħu, kif ukoll il-ġnien tal-madwar, setgħu jitgawdew minn dawk kollha li attendew. Attività oħra li tippromwovi dak li ħallewlna ta’ qabilna u timliena b’kuraġġ għall-futur.
“Attivitajiet bħal dawn, apparti l-fatt li huma ta’ interess ġenerali, għandhom iwasslu sabiex il-Gudjani japprezzaw u jgawdu aktar siti li jifformaw parti integrali mill-istorja ta’ dan ir-raħal.” Dr Simon Manicolo – President SKALI Gudja.




F’din l-attività intuża xi materjal mixtri mill-fondi tal-A4U, skema tal-Aġenzija Żgħażagħ




