Il-Ħadd 13 t’Ottubru fl-Okkażjoni taċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Jiem Ewropej tal-Wirt, SKALI Gudja organizzat Mixja Kulturali madwar il-Gudja. Matul il-mixja Maria Serpina tat tagħrif storiku dwar diversi siti u monumenti interessanti li jżejnu lil dan ir-raħal. Din il-mixja, li ħaditna madwar it-toroq, sqaqien u mogħdijiet fil-kampanja tal-Gudja tifforma parti minn proġett akbar ta’ Heritage Trail jiġifieri mappa tal-postijiet ta’ interess fil-Gudja u tagħrif qasir dwarhom, li SKALI Gudja qiegħda tipprepara bil-għan li jitnieda aktar tard din is-sena.
Il-mixja bdiet minn Birmiftuħ fejn is-Sur Rizzo voluntier ma’ Din L-Art Ħelwa qasam ma dawk preżenti tagħrif storiku dwar din il-kappella ġojjel arkitettoniku fil-periferija tal-Gudja, imżejjen b’affreski medjevali li jmorru lura mijiet ta’ snin. Fost is-siti u l-monumenti ta’ interess kien hemm ukoll il-Ġnien tal-Kmand, in-Niċċa tal-Madonna tal-Grazzja, il-Kappella tal-Lunzjata, in-niċċa tal-Madonna taċ-Ċintura, il-Kappella ta’ Santa Katerina, il-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Assunta, diversi niċeċ u l-Kappella Ta’ Loretu fost oħrajn.
Finalment dawk preżenti setgħu igawdu kikkra te jew kafè u qagħaq ippreparati apposta għall-okkażjoni fuq iz-zuntier tal-Kappella Ta’ Loretu filwaqt li jgawdu l-kampanja naturali u suġġestiva li joffri dan is-sit.



















