16 ta’ April 2025
Qed naqsmu magħkom ftit ritratti tal-attività li SKALI Gudja organizzat bil-kollaborazzjoni tal-Arċipriet Fr Norman Zammit, u l-assistenza tal-Kunsill Lokali tal-Gudja nhar l-Erbgħa tat-Tniebri.
Din kienet l-ewwel attività tax-xorta tagħha li segwiet il-funzjoni fil-Knisja Parrokkjali dakinhar u li kellha l-għan li ssaħħaħ l-ispirtu ta’ talb, riflessjoni u karità marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-ħsibijiet tal-Via Sagra kienu mirqumin sew u l-atmosfera bil-fjakkoli tul il-mixja fil-mogħdija rurali li twassal għall-Kappella Ta’ Loretu kienet suġġestiva. L-attendenza kienet inkoraġġanti ħafna u s-somma miġbura mill-bejgħ tax-xemgħat kienet tammonta għal €210 li ser imorru kollha bħala donazzjoni għad-Dar tal-Providenza. Min attenda seta’ wkoll iżur il-wirja ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Kappella Ta’ Loretu li kienet esebita mill-Familja Grech.
Nirringrazzjaw lill-Arċipriet tal-opportunità, il-Kunsill Lokali għas-sostenn, lill-voluntiera tal-Kappella Ta’ Loretu tal-għajnuna u lil kull min ingħaqad magħna f’din l-esperjenza. SKALI Gudja tħares ‘il quddiem sabiex tkompli taħdem favur it-tkattir u t-tisħiħ ta’ dak kollu li għandu rabta mal-Gudja.
Niltaqgħu!






























