10 ta’ Lulju, 2025
Il-Ħamis 10 ta’ Lulju 2025, għat-tieni sena SKALI Gudja organizzat serata mużiko-letterarja fuq iz-zuntier tal-Knisja Ta’ Loretu. Għal darb’oħra l-attendenza kienet inkoraġġanti ħafna u kull min attenda kellu kliem ta’ tifħir għal din l-inizzjattiva u l-ħidma ta’ SKALI Gudja favur il-patrimonju Gudjan u t-teżori li huwa mogħni bihom dan ir-raħal. Din is-sena wkoll SKALI Gudja irnexxielha tipprezenta kitbiet marbutin intrinsikament mar-Raħal tal-Gudja flimkien ma’ akkumpanjament muzikali mill-pinna ta’ kompozituri Maltin. Din id-darba is-serata kienet tinkludi ġabra ta’ rakkonti dwar il-ħajja fil-Gudja fi zmien it-Tieni Gwerra mill-pinna tal-Maġistrat Dr Gawdenz Borg, proza oriġinali, miktuba apposta għal din l-okkazzjoni mill-pinna tal-awtur prolifiku Gudjan Bertram Portelli u akkumpanjament muzikali b’kanzunetti bil-Malti minn Mariele Zammit, kantanta li għandha rabtiet konsiderevoli mal-Gudja u li bil-kant melodiku tagħha tfittex li zzomm ħajja u tippromwovi l-għanja tipika Maltija. Għal din is-serata kienu prezenti il-familjari tal-Maġistrat Dr Gawdenz Borg b’waħda minn uliedu Doriette anke tipprezenta biografija awtentika f’waqtiet kommoventi, dwar missierha. Is-serata kienet ipprezentata minn Fabio Scicluna. Wara s-serata dawk preżenti setgħu jnaqqru u jixorbu xi ħaġa wkoll, f’ambjent pittoresk li toffri l-Kappella Ta’ Loretu u għal frisk ta’ lejla sajfija. Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil dawk kollha li attendew għal din is-serata li kellha wkoll konnessjoni ma’ Jum il-Gudja li jiġi ċelebrat fil-15 ta’ Lulju, u nistednukom tibqgħu ssegwu l-attivitajiet ta’ SKALI Gudja.
Għal aktar informazzjoni dwar SKALI Gudja u din l-attività nħeġġukom tagħfsu fuq il-link t’hawn taħt: https://www.facebook.com/skaligudja
Grazzi mill-qalb lill-isponsors Kunsill Lokali Gudja, JP Baldacchino, All Nuts, Pizza tal-Baker. Għal li jmiss! Grazzi wkoll lil Ġuzi Caruana, Mario Ellul u Anthony Ellul għall-assistenza fil-loġistika.















