“Jiena u sħabi nemmnu fi SKALI Gudja u l-kontribut li din tista’ tagħti għal ġid tal-Gudja u dan il-ħsieb ser ikompli jiggwidana u jmexxina fiz-zmien li ġej” – Presidenti Dr Simon Manicolo
Nhar il-Ħadd 1 ta’ Marzu, 2026 SKALI Gudja żammet il-Laqgħa Ġenerali Annwali fiċ-Ċentru Parrokjali. Matul din il-laqgħa, apparti r-rapport amministrattiv u finanzjarju, ġew eletti il-membri ġodda tal-Kumitat. Il-Kumitat għas-snin 2026-2028 ser ikun kompost minn Nutar Simon Manicolo – President, is-Sur Fabio Scicluna – Vici President, is-Sur Joseph Charles Galdes – Tezorier, is-Sa Denise Bezzina – Segretarju, il-Perit John Paul Galdes – Uffiċċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi, is-Sna Marija Vella, is-Sna Rebecca Calleja, is-Sa Nadia Gatt Gafa, u s-Sna Shevaun Rooney bħala membri.
Fid-diskors tiegħu il-President irringrazzja lill-membri preżenti tal-fiduċja li għal darb’oħra urew fiħ, u lill-membri kollha ta’ SKALI Gudja li f’dawn is-snin ħadmu qalih u ddedikaw il-ħin limitat tagħhom fi ħdan l-għaqda. Huwa rringrazzja lil membri uxxenti tal-Kumitat; is-Sur Christopher Vella li tul dawn l-aħħar sentejn okkupa l-kariga ta’ Segretarju u s-Sna Maria Serpina tal-assistenza tagħha lill-għaqda. Huwa rringrazzja wkoll lill-kollaboraturi ta’ SKALI Gudja li sostnew u ser jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex SKALI Gudja tibqa’ tikber u twettaq il-funzjoni tagħha fil-Gudja. Hawnhekkk huwa semma lis-Sinjuri Bertram Portelli, Brandon Caruana, John Joseph Pace, Winston Spiteri, Martin Abela, Tyronne Grima, Andrea Gatt, il-Perit Patrick Calleja (President ta’ Din l-Art Ħelwa) u l-uffiċċjali tagħha, lis-Sindku Romeo Baldacchino u l-Arċipriet Norman Zammit. Ringrazzjament partikolari kien indirizzat lill-membri ġodda; Rebecca Calleja, Nadia Gatt Gafa, u Shevaun Rooney li ngħaqdu ma’ SKALI Gudja għall-ewwel darba.
Il-President qal li kien jittama illi l-lista ta’ kollaboraturi tkompli tikber għax jemmen li hemm ħafna persuni li jistgħu jaqsmu l-abbiltajiet tagħhom għal ġid tal-Gudja.
Il-President qal li r-Rapporti Amministrattivi kienu jindikaw b’mod ċar illi minkejja l-limitazzjonijiet ta’ riżorsi in partikolari umani ħafna mill-obbjettivi ntlaħqu u twettqu jew qiegħdin fi stadju avvanzat. Żied li SKALI Gudja ħadmet sabiex dak li nbeda fl-2020 ma jintilifx, anzi fejn u kemm hu possibbli jibqa’ jissaħħah u dan biex il-patrimonju, it-tradizzjonijiet u l-istorja rikka ta’ dan ir-raħal jkunu magħrufa u apprezzati u imħarsa minn kulħadd.
Matul dan iz-zmien SKALI Gudja stabbiliet ruħha dejjem aktar bħala Għaqda important fil-Gudja. F’dan iż-żmien kien hemm enfasi fuq il-fatt li jiġi stabbilit kalendarju ta’ attivitajiet u avvenimenti tal-għaqda mifrux fuq sena, u li kellu jservi biex ir-rizorzi limitati jkunu utilizzati aħjar. Saret ħidma biex l-għaqda jkollha għajnuna minn kollaboraturi fejn persuni b’abbiltajiet u ġejjin minn oqsma differenti jaħdmu fuq proġetti tal-għaqda u jaqsmu magħha u r-residenti l-ħilitet tagħhom, iżda b’inqas formalita’. Inżamm u tkabbar il-kuntatt u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ għaqdiet oħra fil-raħal inkluż il-Kunsill Lokali, il-Parroċċa u l-Għaqdiet tal-Banda. Inġiebu fondi mill-Aġenzija Żgħażagħ u ġew esplorati għejun oħra ta’ funding.
F’dawn is-sentejn saru wkoll preparamenti għal inizzjattivi li possibilment ser tkun qed tvara l-għaqda fil-ġimghat u/jew xhur li ġejjin, fosthom Heritage Trail, Wirjiet ta’ fotografija, pubblikazzjoni ta’ ktejjeb għat-tfal tal-iskola primarja, u l-preżentazzjoni ta’ intervisti storiċi, fost oħrajn.
Il-President temm jgħid illi SKALI Gudja dejjem lesta tilqa’ kull ħsieb u inizzjattiva, għajnuna, parteċipazzjoni u sostenn u dan dejjem għal ġid tal-Gudja u r-residenti u l-pubbliku in ġenerali.
Kull min hu interessat jista’ ikellimna fuq il-pagna soċjali tagħna, jew permezz ta’ email jew jagħmel kuntatt mal-membri tal-kumitat.
















































































