SKALI Gudja

SKALI Gudja

Storja Kultura Ambjent Leħen u Identità

  • Dwar l-Għaqda
    • Il-Bidu ta’ SKALI Gudja
    • Il-Kumitat tal-Għaqda
  • Sħubija
    • Formola ta’ Sħubija
    • Skema ta’ Sħubija
  • Aġġornamenti
    • Sensiliet
  • Agħmel Kuntatt
  • Laqgħa mal-Arċipriet Fr Norman Zammit fid-Dar Parrokkjali

    7 ta’ Frar, 2025

    Għal din il-laqgħa kienu preżenti l-President Dr Simon Manicolo, l-Uffiċċjal ghar-Relazzjonijiet Pubbliċi Perit John Paul Galdes u s-Sur Fabio Scicluna. F’isem SKALI Gudja l-President irringrazzja lill-Arċipriet tal-istima u l-fiduċja li dejjem wera fil-konfront tal-għaqda u l-kollaborazzjoni kontinwa. Żied li SKALI Gudja ser tibqa’ tirsisti sabiex fejn hu possibbli jinġiebu fondi biex ikunu finanzjati u jitkomplew proġetti ta’ restawr fil-Knisja Arċipretali u fil-parroċċa. Il-President irrefera wkoll għal xi inizzjattivi li xtaqet timbarka fuqhom l-għaqda bil-kollaborazzoni tal-Parroċċa. Minn naħa tiegħu l-Arċipriet elenka numru ta’ attivitajiet li kienet ser torganizza l-Parroċċa ghal żmien il-Gimgħa Mqaddsa. Kien hemm xewqa reċiproka li tissaħħaħ u tikber il-kollaborazzjoni għal benefiċċju tar-residenti u l-Parroċċa tal-Gudja.

  • Attivita’: Kunċert fil-Kappella ta’ Birmiftuħ

    Kuncert tal-Milied mill-Kor Santa Cecilia, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Simone Attard ġewwa Birmiftuħ. Inizzjattiva ta’ SKALI Gudja bil-kollaborazzjoni ta’ Din l-Art Ħelwa u l-Kunsill Lokali Gudja.

    Dawk il-ħafna li attendew kellhom l-opportunita’ jsegwu uħud fost ‘l aktar innijiet tal-Milied popolari u jaraw ukoll wirja ta’ presepji minn taħt idejn il-presepisti Gudjani Martin Abela, li kien ukoll ko-ordinatur tal-wirja, Joseph Abdilla, Frankie Grixti u s-soċju Leli Farrugia, fost oħrajn. Dan kollu fl-ambjent u l-atmosfera stupenda li toffri biss il-kappella ta’ Birmiftuħ. Sit bi storja kbira u ta’ importanza sinjifikanti għal Gudjani. Serata sabiħa u ta livell li tixraq f’dawn iż-żminijiet.

    Grazzi kbira lil min ikkontribwixxa; lil Din l-Art Ħelwa, lill-Presepisti Gudjani u l-Kunsill Lokali Gudja, lill-Onorevoli Membri Parlamentari l-Inġ. Mark Anthony Sammut u l-Dr Katya Degiovanni, li kienu preżenti, u lil kull min attenda. Is-serata kienet ipprezentata minn Pat Sansone filwaqt li s-Sur Felix Rizzo, voluntier minn DLH, ta tagħrif storiku dwar il-Kappella u s-Sur John Chasoulidis Abela qara messaġġ minn Martin Abela dwar il-wirja tal-presepji.

  • Attivita’: Wirja ta’ Presepji Artistiċi

    Inawgurazzjoni tal-wirja ta’ presepji artistici gewwa l-Kappella ta Birmiftuħ. Inizzjattiva ohra ta’ SKALI Gudja li apparti li kellha l-għan li żżid l-apprezzament lejn il-Kappella ta’ Birmiftuħ, kellha wkoll l-iskop li tippreżenta xogħlijiet artistiċi f’forma ta’ presepji ta’ livell għoli lill-pubbliku in ġenerali.

    Presepji maħduma b’reqqa u attenzjoni għad-dettal u bl-użu ta’ tekniki varji kemm fil-ħidma tal-pasturi u kif ukoll fil-binjiet jew il-grotti. Dan kollu ma setgħax iseħħ mingħajr il-kollaborazzjoni ma’ Din l-Art Helwa li tat l-opportunita’ li tintuża din il-Kappella, il-presepist Gudjan is-Sur Martin Abela li apparti li esebixxa xogħolijiet minn tiegħu, ikkordina u investa sabiex il-wirja tilħaq l-aspettattiva, is-Sur Joseph Abdilla, s-Sur Frank Grixti li ppreżentaw xogħlijiet minn tagħhom fl-istess wirja u l-familjari tas-soċju Leli Farrugia li awtorizzaw il-wiri ta’ presepju maħdum interament fil-ġebla Maltija.

    Wirja ta livell għoli u dimostrazzjoni tal-imħabba u l-passjoni illi l-presepisti għandhom lejn dan ix-xogħhol artistiku u tradizzjonali li tawgura tajjeb ghal proġetti simili fil-futur. Dankollu jidher hawn taħt fil-filmat ta’ Rayden Mizzi fuq l-attivita’. SKALI Gudja tirringrazzja lil kull min attenda.

  • Attivita’: Wirja Statika ta’ Karozzi Antiki

    Wirja statika ta’ karozzi antiki bil-kollaborazzjoni ta’ Old Motors Club, u Din l-Art Ħelwa u bis-support tal-Kunsill Lokali tal-Gudja. Grazzi kbira lil kull min ha sehem u lil dawk kollha li ġew iżiru din il-wirja. Kienet attività li tagħti gieħ lil min b’tant għozza u dedikazzjoni iżomm u jmantni dawn il-karozzi storiċi f’ambjent uniku li tippreżenta biss il-Kappella ta’ Birmiftuħ wieħed mit-teżori li huwa mżejjen bih dan ir-raħal.

  • Attivita’: Mixja Kulturali mal-Gudja – Heritage Trail

    Il-Ħadd 13 t’Ottubru fl-Okkażjoni taċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Jiem Ewropej tal-Wirt, SKALI Gudja organizzat Mixja Kulturali madwar il-Gudja. Matul il-mixja Maria Serpina tat tagħrif storiku dwar diversi siti u monumenti interessanti li jżejnu lil dan ir-raħal. Din il-mixja, li ħaditna madwar it-toroq, sqaqien u mogħdijiet fil-kampanja tal-Gudja tifforma parti minn proġett akbar ta’ Heritage Trail jiġifieri mappa tal-postijiet ta’ interess fil-Gudja u tagħrif qasir dwarhom, li SKALI Gudja qiegħda tipprepara bil-għan li jitnieda aktar tard din is-sena.

    Il-mixja bdiet minn Birmiftuħ fejn is-Sur Rizzo voluntier ma’ Din L-Art Ħelwa qasam ma dawk preżenti tagħrif storiku dwar din il-kappella ġojjel arkitettoniku fil-periferija tal-Gudja, imżejjen b’affreski medjevali li jmorru lura mijiet ta’ snin. Fost is-siti u l-monumenti ta’ interess kien hemm ukoll il-Ġnien tal-Kmand, in-Niċċa tal-Madonna tal-Grazzja, il-Kappella tal-Lunzjata, in-niċċa tal-Madonna taċ-Ċintura, il-Kappella ta’ Santa Katerina, il-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Assunta, diversi niċeċ u l-Kappella Ta’ Loretu fost oħrajn.

    Finalment dawk preżenti setgħu igawdu kikkra te jew kafè u qagħaq ippreparati apposta għall-okkażjoni fuq iz-zuntier tal-Kappella Ta’ Loretu filwaqt li jgawdu l-kampanja naturali u suġġestiva li joffri dan is-sit.

  • Mixja Kulturali mal-Gudja – Heritage Trail

    Fl-Okkażjoni taċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Jiem Ewropej għall-Wirt, SKALI Gudja ser tkun qed torganizza Mixja Kulturali madwar il-Gudja. Din il-mixja, li ser toħodna mat-toroq, sqaqien u mogħdijiet fil-kampanja tal-Gudja fejn ser inżuru siti u monumenti storiċi, tifforma parti minn proġett akbar ta’ Heritage Trail jiġifieri mappa tal-postijiet ta’ interess fil-Gudja u tagħrif qasir dwarhom, li qed tipprepara SKALI Gudja bil-għan li jitnieda aktar tard din is-sena.

    Nibdew il-mixja Birmiftuħ u nispiċċaw ġewwa Ta’ Loretu!

    Bħalma nagħmlu s-soltu, ser nispiċċaw il-mixja bi ftit te u kafè u xi tnaqqir. Ejjew u ħudu pjaċir magħna. Ser tingħata informazzjoni storika u interessanti ma’ kull waqfa qasira li ser nagħmlu. Narawkom.

    DATA: 13 ta’ Ottubru 2024
    ĦIN: 4:00pm-5:30pm
    POST TA’ TLUQ: KAPPELLA TA’ BIRMIFTUĦ

  • Żjara fil-Laboratroju tar-Restawratriċi Amy Sciberras

    Nhar is-Sibt, 9 ta’ Marzu, il-Kumitat ta’ SKALI Gudja flimkien mal-Arċipriet Norman Zammit ġew mistiedna sabiex iżuru x-xogħlijiet li qed isiru fuq il-pittura tat-Trinità mir-restawratriċi u konservatriċi Amy Sciberras.

    Issa li dan ix-xogħol wasal fi stadju avvanzat ħafna, Amy Sciberras spjegat il-proċessi u l-metodoloġija metikoluża li ntużat biex din il-pittura imprezzabbli tiġi restawrata. Ġie spjegat ukoll fid-dettall ix-xjenza li tidħol f’biċċa xogħol bħal din inkluż ħarsa lejn l-istrumentazzjoni użata.

    Preżenti kien hemm ukoll Emanuel Ciantar, espert fit-teknika tal-fotografija, li qasam magħna informazzjoni u dettalji dwar ix-xogħol preparattiv qabel jibdew l-interventi. Spjega l-użu tal-fotografija speċjalizzata biex ikunu żvelati d-difetti u l-ħsarat qabel jibda x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr ta’ kull xogħol artistiku.

    Issa fadal l-aħħar ftit ħidma u din il-pittura terġa’ ssib postha fil-knisja parrokjali tagħna sabiex tibqa’ titgawda mill-Gudjani kollha għas-snin li ġejjin.

    Tajjeb infakkru li dan il-proġett qed isir permezz ta’ fondi li l-Kumitat preċedenti ta’ SKALI Gudja akkwista mill-Kunsill Malti għall-Arti u d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.

    Arts Council Malta
    Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni
    Parroċċa Arċimatriċi u Arċipretali Santa Marija, Il-Gudja

    Preżenti: Ir-Restawratriċi Amy Sciberras, il-Fotografu Emanuel Ciantar, l-Arċipriet Dun Normann Zammit kif ukoll membri tal-Kumitat Eżekuttiv passat u preżenti ta’ SKALI Gudja

Din il-websajt qiegħda tiġi sapportjatha minn P.A.L – Pace Associates Ltd

 

Loading Comments...
 

    • Subscribe Subscribed
      • SKALI Gudja
      • Already have a WordPress.com account? Log in now.
      • SKALI Gudja
      • Subscribe Subscribed
      • Sign up
      • Log in
      • Report this content
      • View site in Reader
      • Manage subscriptions
      • Collapse this bar