Il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju 2026, SKALI Gudja organizzat, għat-tielet sena konsekuttiva, serata mużiko-letterarja fuq iz-zuntier tal-Knisja Ta’ Loretu, il-Gudja. L-attendenza kienet waħda straordinarja, u dawk kollha li attendew esprimew kliem ta’ tifħir għall-inizjattiva u għall-ħidma kontinwa ta’ SKALI Gudja favur is-siti interessanti li hija mogħnija bihom il-Gudja, u l-patrimonju letterarju u mużikali Malti.
Din is-sena, SKALI Gudja reġgħet stiednet lill-kantanta Mariele Zammit, li għandha rabtiet mill-qrib mal-Gudja. Magħha ngħaqdu l-għannej Justin Galea u l-kitarristi Denise Vella u Mark Vella (Ta’ Kalċ), kif ukoll Calcidon Vella (Ta’ Mustaċċa). Flimkien ippreżentaw programm ta’ għana tradizzjonali Malti.
Għall-ewwel darba, SKALI Gudja tat spazju wkoll lit-tfal billi ppreżentat poeżiji miktuba minn studenti taż-żewġ skejjel tal-Gudja. Dawn il-poeżiji, miktuba minn tfal ta’ bejn l-10 u l-11-il sena bl-għajnuna tal-għalliema u tal-ġenituri tagħhom, offrew perspettiva ġdida u sinċiera dwar il-Gudja.
Matul is-serata ġew ippreżentati wkoll kitbiet storiċi u tagħrif dwar il-Knisja Ta’ Loretu, miktuba u adattati minn Marija Vella u ġie ppreżentat ukoll tagħrif dwar l-istorja tal-edukazzjoni fil-Gudja, ibbażat fuq kitba ta’ Marija Vella u riċerka ta’ Andrea Gatt.
Għall-attività attendew is-Sindku Romeo Baldacchino flimkien mal-kunsilliera tal-Gudja, il-kapijiet taż-żewġ skejjel tal-Gudja, is-Sinjura Marion Falzon Ghio, Kap tal-Iskola Primarja tal-Kulleġġ San Benedittu – Gudja, u s-Sinjura Marion Cutajar, Kap tal-Iskola Santa Giovanna Antida – Gudja, flimkien ma’ Suor Melissa D’Amico. Kienu preżenti wkoll għalliema, ġenituri u qraba tal-istudenti-parteċipanti.
SKALI Gudja tirringrazzja mill-qalb lil kull min attenda u appoġġja din l-attività. Ringrazzjament speċjali jmur lill-isponsors VisitMalta, il-Kunsill Lokali tal-Gudja, Emtes u l-Familja Zammit għall-appoġġ tagħhom. Nirringrazzjaw ukoll lil John Joseph Pace għas-servizzi tas-sound u t-teknoloġija, lil Cyprian Dalli għat-teħid tar-ritratti, lil Fondazzjoni Sagħtar għar-rigali għat-tfal, kif ukoll lil Ġużi Caruana, Mario Ellul u Anthony Ellul għall-assistenza tagħhom fil-loġistika.































































































