SKALI Gudja

SKALI Gudja

Storja Kultura Ambjent Leħen u Identità

  • Dwar l-Għaqda
    • Il-Bidu ta’ SKALI Gudja
    • Il-Kumitat tal-Għaqda
  • Sħubija
    • Formola ta’ Sħubija
    • Skema ta’ Sħubija
  • Aġġornamenti
    • Sensiliet
  • Agħmel Kuntatt
  • Laqgħa mal-Arċipriet Fr Norman Zammit fid-Dar Parrokkjali

    7 ta’ Frar, 2025

    Għal din il-laqgħa kienu preżenti l-President Dr Simon Manicolo, l-Uffiċċjal ghar-Relazzjonijiet Pubbliċi Perit John Paul Galdes u s-Sur Fabio Scicluna. F’isem SKALI Gudja l-President irringrazzja lill-Arċipriet tal-istima u l-fiduċja li dejjem wera fil-konfront tal-għaqda u l-kollaborazzjoni kontinwa. Żied li SKALI Gudja ser tibqa’ tirsisti sabiex fejn hu possibbli jinġiebu fondi biex ikunu finanzjati u jitkomplew proġetti ta’ restawr fil-Knisja Arċipretali u fil-parroċċa. Il-President irrefera wkoll għal xi inizzjattivi li xtaqet timbarka fuqhom l-għaqda bil-kollaborazzoni tal-Parroċċa. Minn naħa tiegħu l-Arċipriet elenka numru ta’ attivitajiet li kienet ser torganizza l-Parroċċa ghal żmien il-Gimgħa Mqaddsa. Kien hemm xewqa reċiproka li tissaħħaħ u tikber il-kollaborazzjoni għal benefiċċju tar-residenti u l-Parroċċa tal-Gudja.

  • Attivita’: Kunċert fil-Kappella ta’ Birmiftuħ

    Kuncert tal-Milied mill-Kor Santa Cecilia, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Simone Attard ġewwa Birmiftuħ. Inizzjattiva ta’ SKALI Gudja bil-kollaborazzjoni ta’ Din l-Art Ħelwa u l-Kunsill Lokali Gudja.

    Dawk il-ħafna li attendew kellhom l-opportunita’ jsegwu uħud fost ‘l aktar innijiet tal-Milied popolari u jaraw ukoll wirja ta’ presepji minn taħt idejn il-presepisti Gudjani Martin Abela, li kien ukoll ko-ordinatur tal-wirja, Joseph Abdilla, Frankie Grixti u s-soċju Leli Farrugia, fost oħrajn. Dan kollu fl-ambjent u l-atmosfera stupenda li toffri biss il-kappella ta’ Birmiftuħ. Sit bi storja kbira u ta’ importanza sinjifikanti għal Gudjani. Serata sabiħa u ta livell li tixraq f’dawn iż-żminijiet.

    Grazzi kbira lil min ikkontribwixxa; lil Din l-Art Ħelwa, lill-Presepisti Gudjani u l-Kunsill Lokali Gudja, lill-Onorevoli Membri Parlamentari l-Inġ. Mark Anthony Sammut u l-Dr Katya Degiovanni, li kienu preżenti, u lil kull min attenda. Is-serata kienet ipprezentata minn Pat Sansone filwaqt li s-Sur Felix Rizzo, voluntier minn DLH, ta tagħrif storiku dwar il-Kappella u s-Sur John Chasoulidis Abela qara messaġġ minn Martin Abela dwar il-wirja tal-presepji.

  • Attivita’: Wirja ta’ Presepji Artistiċi

    Inawgurazzjoni tal-wirja ta’ presepji artistici gewwa l-Kappella ta Birmiftuħ. Inizzjattiva ohra ta’ SKALI Gudja li apparti li kellha l-għan li żżid l-apprezzament lejn il-Kappella ta’ Birmiftuħ, kellha wkoll l-iskop li tippreżenta xogħlijiet artistiċi f’forma ta’ presepji ta’ livell għoli lill-pubbliku in ġenerali.

    Presepji maħduma b’reqqa u attenzjoni għad-dettal u bl-użu ta’ tekniki varji kemm fil-ħidma tal-pasturi u kif ukoll fil-binjiet jew il-grotti. Dan kollu ma setgħax iseħħ mingħajr il-kollaborazzjoni ma’ Din l-Art Helwa li tat l-opportunita’ li tintuża din il-Kappella, il-presepist Gudjan is-Sur Martin Abela li apparti li esebixxa xogħolijiet minn tiegħu, ikkordina u investa sabiex il-wirja tilħaq l-aspettattiva, is-Sur Joseph Abdilla, s-Sur Frank Grixti li ppreżentaw xogħlijiet minn tagħhom fl-istess wirja u l-familjari tas-soċju Leli Farrugia li awtorizzaw il-wiri ta’ presepju maħdum interament fil-ġebla Maltija.

    Wirja ta livell għoli u dimostrazzjoni tal-imħabba u l-passjoni illi l-presepisti għandhom lejn dan ix-xogħhol artistiku u tradizzjonali li tawgura tajjeb ghal proġetti simili fil-futur. Dankollu jidher hawn taħt fil-filmat ta’ Rayden Mizzi fuq l-attivita’. SKALI Gudja tirringrazzja lil kull min attenda.

  • Attivita’: Wirja Statika ta’ Karozzi Antiki

    Wirja statika ta’ karozzi antiki bil-kollaborazzjoni ta’ Old Motors Club, u Din l-Art Ħelwa u bis-support tal-Kunsill Lokali tal-Gudja. Grazzi kbira lil kull min ha sehem u lil dawk kollha li ġew iżiru din il-wirja. Kienet attività li tagħti gieħ lil min b’tant għozza u dedikazzjoni iżomm u jmantni dawn il-karozzi storiċi f’ambjent uniku li tippreżenta biss il-Kappella ta’ Birmiftuħ wieħed mit-teżori li huwa mżejjen bih dan ir-raħal.

  • Attivita’: Mixja Kulturali mal-Gudja – Heritage Trail

    Il-Ħadd 13 t’Ottubru fl-Okkażjoni taċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Jiem Ewropej tal-Wirt, SKALI Gudja organizzat Mixja Kulturali madwar il-Gudja. Matul il-mixja Maria Serpina tat tagħrif storiku dwar diversi siti u monumenti interessanti li jżejnu lil dan ir-raħal. Din il-mixja, li ħaditna madwar it-toroq, sqaqien u mogħdijiet fil-kampanja tal-Gudja tifforma parti minn proġett akbar ta’ Heritage Trail jiġifieri mappa tal-postijiet ta’ interess fil-Gudja u tagħrif qasir dwarhom, li SKALI Gudja qiegħda tipprepara bil-għan li jitnieda aktar tard din is-sena.

    Il-mixja bdiet minn Birmiftuħ fejn is-Sur Rizzo voluntier ma’ Din L-Art Ħelwa qasam ma dawk preżenti tagħrif storiku dwar din il-kappella ġojjel arkitettoniku fil-periferija tal-Gudja, imżejjen b’affreski medjevali li jmorru lura mijiet ta’ snin. Fost is-siti u l-monumenti ta’ interess kien hemm ukoll il-Ġnien tal-Kmand, in-Niċċa tal-Madonna tal-Grazzja, il-Kappella tal-Lunzjata, in-niċċa tal-Madonna taċ-Ċintura, il-Kappella ta’ Santa Katerina, il-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Assunta, diversi niċeċ u l-Kappella Ta’ Loretu fost oħrajn.

    Finalment dawk preżenti setgħu igawdu kikkra te jew kafè u qagħaq ippreparati apposta għall-okkażjoni fuq iz-zuntier tal-Kappella Ta’ Loretu filwaqt li jgawdu l-kampanja naturali u suġġestiva li joffri dan is-sit.

  • Mixja Kulturali mal-Gudja – Heritage Trail

    Fl-Okkażjoni taċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Jiem Ewropej għall-Wirt, SKALI Gudja ser tkun qed torganizza Mixja Kulturali madwar il-Gudja. Din il-mixja, li ser toħodna mat-toroq, sqaqien u mogħdijiet fil-kampanja tal-Gudja fejn ser inżuru siti u monumenti storiċi, tifforma parti minn proġett akbar ta’ Heritage Trail jiġifieri mappa tal-postijiet ta’ interess fil-Gudja u tagħrif qasir dwarhom, li qed tipprepara SKALI Gudja bil-għan li jitnieda aktar tard din is-sena.

    Nibdew il-mixja Birmiftuħ u nispiċċaw ġewwa Ta’ Loretu!

    Bħalma nagħmlu s-soltu, ser nispiċċaw il-mixja bi ftit te u kafè u xi tnaqqir. Ejjew u ħudu pjaċir magħna. Ser tingħata informazzjoni storika u interessanti ma’ kull waqfa qasira li ser nagħmlu. Narawkom.

    DATA: 13 ta’ Ottubru 2024
    ĦIN: 4:00pm-5:30pm
    POST TA’ TLUQ: KAPPELLA TA’ BIRMIFTUĦ

  • Serata Mużiko-Letterarja f’ Ta’ Loretu

    Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Lulju 2024, SKALI Gudja organizzat serata mużiko-letterarja fuq iz-zuntier tal-Knisja Ta’ Loretu. Din is-serata li niżlet tajjeb ferm ma’ dawk kollha li attendew u li kienu numerużi kienet tinkludi tagħrif storiku dwar il-Knisja u l-inħawi Ta’ Loretu minn Fabio Scicluna li ppreżenta wkoll is-serata, qari ta’ poeżiji dwar il-Gudja mill-pinna tal-Gudjan Loreto Dalli minn Christopher Vella u Tyrone Grima u qari ta’ silta letterarja mill-awtur Gudjan Bertram Portelli li kiteb apposta għal din l-okkażjoni. Is-serata kienet tinkludi wkoll mużika fuq il-kitarra u kant mid-duo Joseph u Denise Bezzina li komplew żejnu l-atmosfera sabiħa bi bċejjeċ mużikali Maltin mill-pinna tal-kompożitur Gaetano Buttigieg magħruf bħala Gaetano Kanta. Wara s-serata dawk preżenti setgħu jżuru l-Knisja minn ġewwa u jnaqqru u jixorbu xi ħaġa wkoll. Kif kien previst din kienet serata pjaċevoli, f’post inkantevoli u f’ambjent ta’ paċi li joffru l-inħawi Ta’ Loretu. Kull min attenda ħa gost, kellu kliem ta’ tifħir u apprezza immens il-ħidma u l-impenn ta’ SKALI Gudja għal darb’oħra favur il-patrimonju Gudjan u t-teżori li huwa mogħni bihom dan ir-raħal. Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil dawk kollha li attendew għal din is-serata u nistednukom tibqgħu ssegwu l-attivitajiet ta’ SKALI Gudja.

    Wara s-serata, grazzi lil Ġuzi Caruana, Mario Ellul u Anthony Ellul, dawk preżenti setgħu jżuru l-Knisja minn ġewwa u jnaqqru u jixorbu xi ħaġa wkoll.

    Ritratti Grazzi lil Brandon Caruana

  • Coins minted by the Knights in Malta

    Attività oħra minn SKALI Gudja b’kollaborazzjoni ma’ Din l-Art Ħelwa, fil-Knisja ta’ Birmiftuħ nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju, 2024. Taħdita mis-Sur John Gatt, espert u kollezzjonista li twieled Malta iżda li kien emigra ta’ età żgħira flimkien mal-familja tiegħu lejn l-Awstralja.

    Is-Sur Gatt li kien akkumpanjat minn martu Eileen tkellem fit-tul dwar iz-zekka ta’ Malta fi Żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, dwar tipi u serje differenti ta’ muniti u d-differenzi bejniethom u kif kull Gran Mastru kien ifittex li jħalli t-timbru tiegħu fis-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien, anke permezz tal-muniti li kienu jinħarġu fiċ-ċirkolazzjoni. Is-Sur Gatt tkellem ukoll dwar l-istudju tiegħu kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra, bħall-Italja u Ċipru, u qasam ma’ dawk preżenti l-imħabba tiegħu għal dan is-suġġett u l-għarfien u l-esperjenzi tiegħu bħala kollezzjonist. Tajjeb ngħidu li din l-attività ntlaqgħet tajjeb ħafna u l-atmosfera f’Birmiftuħ kienet stupenda. Din il-Knisja, teżor tant importanti b’rabta tant kbira mal-Gudja u l-istorja tiegħu, kif ukoll il-ġnien tal-madwar, setgħu jitgawdew minn dawk kollha li attendew. Attività oħra li tippromwovi dak li ħallewlna ta’ qabilna u timliena b’kuraġġ għall-futur.

    “Attivitajiet bħal dawn, apparti l-fatt li huma ta’ interess ġenerali, għandhom iwasslu sabiex il-Gudjani japprezzaw u jgawdu aktar siti li jifformaw parti integrali mill-istorja ta’ dan ir-raħal.” Dr Simon Manicolo – President SKALI Gudja.

    F’din l-attività intuża xi materjal mixtri mill-fondi tal-A4U, skema tal-Aġenzija Żgħażagħ

  • Laqgħa bejn SKALI Gudja u Din l-Art Ħelwa

    Fit-22 t’April 2024, il-President u membri tal-Kumitat ta’ Skali Gudja iltaqgħu mal-President il-ġdid ta’ Din l-Art Ħelwa il-Perit Patrick Calleja. Din il-laqgħa li saret fil-Knisja ta’ Birmiftuh kienet waħda kordjali ħafna.

    Matul il-laqgħa Dr Simon Manicolo filwaqt li feraħ lil Perit Calleja għal ħatra tiegħu bħala President ta’ Din l-Art Ħelwa tenna l-apprezzament tiegħu u tal-Kumitat għal ħidma fejjieda li dejjem wettqet u qed twettaq Din l-Art Ħelwa kemm fil-ħarsien, il-prezervazzjoni u l-apprezzament ta’ siti storiċi partikolarment f’Birmiftuh u kif ukoll fil-ħarsien tal-ambjent naturali ta’ pajjizna. Żied illi Skali Gudja sa mill-bidu tagħha fl-2020 kellha relazzjoni tajba ħafna ma’ din l-entita li ħafna drabi ssarrfet f’kollaborazzjoni attiva. Dr Manicolo tkellem dwar il-bidu ta’ Skali gudja u l-istrutturi tagħha u kif ukoll l-għanijiet li għalihom inħolqot l-għaqda fosthom it-tixrid tal-għarfien u l-apprezzament tal-patrimonju storiku u l-Ambjent naturali li huwa mżejjen bihom il-Gudja. Dr Manicolo enfasizza s-similarita fl-oġġettivi ta’ Skali Gudja ma’ dawk ta’ Din l-Art Ħelwa anke jekk fuq skala ferm iżgħar.  Il-Perit Calleja wera interess partikolari u faħħar l-impenn ta’ Skali Gudja u l-membri tagħha f’dan is-sens u qal li dan l-aspett kien wieħed ammirevoli u ta’ min wieħed jinkoraġġih. Il-Perit Calleja qal li kien hemm ħtieġa ta’ kollaborazzjoni u li żgħażagħ jimpenjaw ruħhom fil-preservazzjoni u l-apprezzament ta’ dak li hu storiku u li jsawwar dawn il-gżejjer u li jagħmilhom uniċi. Il-President ta’ Skali rrefera għall-konnessjoni u l-importanza li l-Knisja ta’ Birmiftuh kellha għal Gudja u fil-qalb tal-Gudjani u f’dan is-sens talab li din tkun aktar aċċessibbli għal attivitajiet tal-Għaqda.

    F’din il-laqgħa ma kienx jonqos illi ssir referenza għall-kollaborazzjoni bejn Skali Gudja u DLĦ fir-rigward tal-attivita’ dwar il-muniti ta’ żmien l-Ordni li ser tinżamm fl-24 ta’ Mejju proprju f’Birmiftuh. Minn naħa tiegħu, il-Perit Calleja wiegħed l-assistenza kollha minn Din l-Art Ħelwa biex din l-attività tkun suċċess.

    Preżenti wkoll kien hemm is-Sur Felix Rizzo, voluntier ta’ DLĦ responsabbli minn Birmiftuħ.

  • Attivita’: Taħdita fuq l-Ikonografija tal-Mewt u l-Arti Sagra minn Dr Christian Attard

    Nhar il-25 ta’ Marzu, 2024 SKALI Gudja organizzat taħdita minn Dr Christian Attard, lettur fid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta u fil-Malta School of Art, ġewwa l-Kappella tal-Lunzjata bit-tema: ‘L-ikonografija tal-Mewt u l-Arti Sagra’. Tema addattata ħafna għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa.

    F’din it-taħdita, li kienet ta’ interess u ntlaqgħet tajjeb ħafna minn dawk preżenti, Dr Attard tkellem fost l-oħrajn dwar ir-riti funerarji tal-Gran Mastri tal-Ordni f’Malta u l-impatt li dawn ħallew fuq il-poplu, li kienu jibdew il-preparamenti għalihom minn snin qabel il-mewt tal-Gran Mastru. Ġew preżentati diversi eżempji ta’ pitturi li juru l-aħħar mumenti fil-ħajja tal-individwu u kif il-pittur iwassal it-taqbida bejn it-tajjeb u l-ħażin. Dr Attard irrefera għal diversi monumenti funebri, imfakar tal-ħajja u l-mewt ta’ persuni prominenti, li jinstabu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u oħrajn ‘l hinn, u kif il-mewt tiġi ppersonifikata permezz ta’ ikonografiji differenti.

    Wara t-taħdita dawk preżenti setgħu japprezzaw wirja żgħira ta’ kurċifissi antiki, imprezzabbli, u ta’ valur storiku kbir, liema kurċifissi jifformaw parti minn kollezzjonijiet privati aktar estensivi li għandhom is-Sur Jesmond Farrugia u s-Sur Christopher Vella – żewġ residenti Gudjani.

    Din it-taħdida ttellgħet bis-sapport tal-iskema A4U tal-Aġenzija Żgħażagħ

Din il-websajt qiegħda tiġi sapportjatha minn P.A.L – Pace Associates Ltd

 

Loading Comments...
 

    • Subscribe Subscribed
      • SKALI Gudja
      • Already have a WordPress.com account? Log in now.
      • SKALI Gudja
      • Subscribe Subscribed
      • Sign up
      • Log in
      • Report this content
      • View site in Reader
      • Manage subscriptions
      • Collapse this bar