Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Lulju 2024, SKALI Gudja organizzat serata mużiko-letterarja fuq iz-zuntier tal-Knisja Ta’ Loretu. Din is-serata li niżlet tajjeb ferm ma’ dawk kollha li attendew u li kienu numerużi kienet tinkludi tagħrif storiku dwar il-Knisja u l-inħawi Ta’ Loretu minn Fabio Scicluna li ppreżenta wkoll is-serata, qari ta’ poeżiji dwar il-Gudja mill-pinna tal-Gudjan Loreto Dalli minn Christopher Vella u Tyrone Grima u qari ta’ silta letterarja mill-awtur Gudjan Bertram Portelli li kiteb apposta għal din l-okkażjoni. Is-serata kienet tinkludi wkoll mużika fuq il-kitarra u kant mid-duo Joseph u Denise Bezzina li komplew żejnu l-atmosfera sabiħa bi bċejjeċ mużikali Maltin mill-pinna tal-kompożitur Gaetano Buttigieg magħruf bħala Gaetano Kanta. Wara s-serata dawk preżenti setgħu jżuru l-Knisja minn ġewwa u jnaqqru u jixorbu xi ħaġa wkoll. Kif kien previst din kienet serata pjaċevoli, f’post inkantevoli u f’ambjent ta’ paċi li joffru l-inħawi Ta’ Loretu. Kull min attenda ħa gost, kellu kliem ta’ tifħir u apprezza immens il-ħidma u l-impenn ta’ SKALI Gudja għal darb’oħra favur il-patrimonju Gudjan u t-teżori li huwa mogħni bihom dan ir-raħal. Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil dawk kollha li attendew għal din is-serata u nistednukom tibqgħu ssegwu l-attivitajiet ta’ SKALI Gudja.
Wara s-serata, grazzi lil Ġuzi Caruana, Mario Ellul u Anthony Ellul, dawk preżenti setgħu jżuru l-Knisja minn ġewwa u jnaqqru u jixorbu xi ħaġa wkoll.

























Ritratti Grazzi lil Brandon Caruana















































