SKALI Gudja

SKALI Gudja

Storja Kultura Ambjent Leħen u Identità

  • Dwar l-Għaqda
    • Il-Bidu ta’ SKALI Gudja
    • Il-Kumitat tal-Għaqda
  • Sħubija
    • Formola ta’ Sħubija
    • Skema ta’ Sħubija
  • Aġġornamenti
    • Sensiliet
  • Agħmel Kuntatt
  • Attivita’: Donazzjoni lil Puttinu Cares

    30 ta’ Diċembru 2025

    Fis-7 ta’ Diċembru, SKALI Gudja, b’kollaborazzjoni mal-Historic Motorcycle Club, Rotta, Din l-Art Ħelwa u l-Kunsill Lokali tal-Gudja, organizzat wirja statika ta’ muturi storiċi u karozzi klassiċi VW f’Birmiftuħ, il-Gudja.

    Minbarra li l-avveniment ġab flimkien kollezzjonisti u dilettanti f’ambjent medjevali, kellu wkoll aspett filantropiku u l-parteċipanti u dawk li attendew taw donazzjoni li fl-aħħar inġabret is-somma ta’ €500 li marret bħala donazzjoni lil Puttinu Cares.

    Grazzi lil kulħadd għall-ġenerożità tagħkom.

  • Attivita’: Wirja ta’ Presepji Artistiċi fil-Kappella ta’ Birmiftuħ

    15 ta’ Diċembru 2025 sa 6 ta’ Jannar 2026

  • Attivita’: Għanijiet tal-Milied f’Birmiftuħ

    10 ta’ Diċembru, 2025

    SKALI Gudja bil-kollaborazzjoni ta’ Din l-Art Ħelwa, Growing Owls Child Care Centre u l-Kunsill Lokali tal-Gudja organizzat kunċert tal-Milied fil-Kappella ta’ Birmiftuħ.

    Din is-sena dan il-kunċert korali u strumentali kellu l-isem Għanijiet tal-Milied f’Birmiftuħ u ġie mtella’ bil-parteċipazzjoni tal-Kor Assumpta Est (il-Kor tal-Parroċċa tal-Gudja) taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Stefan Caruana, il-Kor Maranatha mill-Parroċċa tal-Furjana, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Manoel Pirotta, u l-‘University of Malta Junior College Ensemble’. Dawk prezenti setgħu jisimgħu għanjiet popolari tal-Milied u xogħlijiet muzikali marbutin ma’ dawn il-festi. Ta’ min jgħid illi bħala parti mill-Junior College Ensemble kien hemm ukoll erbgħa muziċisti zgħazagħ mill-Gudja. Wara l-attivita’ dawk prezenti setgħu igawdu l-kappella storika u l-ambjent tal-madwar waqt li jixorbu ftit mulled wine u iduqu xi ħelu tal-okkazzjoni.

    Grazzi lil Din l-Art Helwa, Growing Owls Child Care Centre u Kunsill Lokali tal-Gudja.

  • Attivita’: Wirja Statika ta’ Vetturi ġewwa Birmiftuħ

    7 ta’ Diċembru, 2025

    Din is-sena SKALI Gudja bil-kollaborazzjoni mal-Historic Motorcycle Club, Rotta u Din l-Art Ħelwa organizzat wirja statika ta’ muturi storiċi u karozzi VW klassiċi. Din il-wirja minbarra li ġabet flimkien u f’post wieħed u meraviljuz, numru sabiħ ta’ entużjasti u kollezzjonisti kellha l-għan nobbli li jinġabru fondi b’għan filantropiku, din is-sena għal Puttinu Cares Foundation. L-ammont miġbur kien ta’ €500.

    Fil-messaġġ tiegħu il-President tal-Għaqda filwaqt li rringrazzja ‘l parteċipanti kollha, wera l-apprezzament lejn il-kollezzjonisti li pprezentaw it-tezori tagħhom, li jgħozzu b’tant passjoni u attenzjoni. Zied li bħal fil-kaz tas-sena l-oħra, kien meraviljat bid-dedikazzjoni, il-ħin u l-investiment li l-istess kollezzjonisti jiddedikaw biex izommu kemm il-muturi u kif ukoll il-karozzi tagħhom f’kundizzjoni perfetta.

    Waqt l-attivita’ il-kuratur ta’ Din l-Art Ħelwa s-Sur Felix Rizzo ta tagħrif storiku dwar il-kappella lill-parteċipanti.

    Grazzi lil Din l-Art Ħelwa, Historic Motorcycle Club, Rotta u l-Kunsill Lokali Gudja.

  • Attivita’: Serata Mużiko-Letterarja f’ Ta’ Loretu

    10 ta’ Lulju, 2025

    Il-Ħamis 10 ta’ Lulju 2025, għat-tieni sena SKALI Gudja organizzat serata mużiko-letterarja fuq iz-zuntier tal-Knisja Ta’ Loretu. Għal darb’oħra l-attendenza kienet inkoraġġanti ħafna u kull min attenda kellu kliem ta’ tifħir għal din l-inizzjattiva u l-ħidma ta’ SKALI Gudja favur il-patrimonju Gudjan u t-teżori li huwa mogħni bihom dan ir-raħal. Din is-sena wkoll SKALI Gudja irnexxielha tipprezenta kitbiet marbutin intrinsikament mar-Raħal tal-Gudja flimkien ma’ akkumpanjament muzikali mill-pinna ta’ kompozituri Maltin. Din id-darba is-serata kienet tinkludi ġabra ta’ rakkonti dwar il-ħajja fil-Gudja fi zmien it-Tieni Gwerra mill-pinna tal-Maġistrat Dr Gawdenz Borg, proza oriġinali, miktuba apposta għal din l-okkazzjoni mill-pinna tal-awtur prolifiku Gudjan Bertram Portelli u akkumpanjament muzikali b’kanzunetti bil-Malti minn Mariele Zammit, kantanta li għandha rabtiet konsiderevoli mal-Gudja u li bil-kant melodiku tagħha tfittex li zzomm ħajja u tippromwovi l-għanja tipika Maltija. Għal din is-serata kienu prezenti il-familjari tal-Maġistrat Dr Gawdenz Borg b’waħda minn uliedu Doriette anke tipprezenta biografija awtentika f’waqtiet kommoventi, dwar missierha. Is-serata kienet ipprezentata minn Fabio Scicluna. Wara s-serata dawk preżenti setgħu jnaqqru u jixorbu xi ħaġa wkoll, f’ambjent pittoresk li toffri l-Kappella Ta’ Loretu u għal frisk ta’ lejla sajfija. Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lil dawk kollha li attendew għal din is-serata li kellha wkoll konnessjoni ma’ Jum il-Gudja li jiġi ċelebrat fil-15 ta’ Lulju, u nistednukom tibqgħu ssegwu l-attivitajiet ta’ SKALI Gudja.

    Għal aktar informazzjoni dwar SKALI Gudja u din l-attività nħeġġukom tagħfsu fuq il-link t’hawn taħt: https://www.facebook.com/skaligudja

    Grazzi mill-qalb lill-isponsors Kunsill Lokali Gudja, JP Baldacchino, All Nuts, Pizza tal-Baker. Għal li jmiss! Grazzi wkoll lil Ġuzi Caruana, Mario Ellul u Anthony Ellul għall-assistenza fil-loġistika.

  • Taħdita: Mapep Ġodda tal-Assedju l-Kbir 1565

    6 ta’ Ġunju, 2025

    Għat-tieni sena SKALI Gudja organizzat taħdita fil-Kappella ta’ Birmiftuħ dwar Mapep Ġodda ta’ Żmien l-Assedju l-Kbir 1565. Din id-darba l-preżentazzjoni saret mis-Sur Joseph Schiro, wieħed mill-fundaturi u President tal-Malta Map Society, riċerkatur, studjuż tal-kartografija, awtur u kollezzjonist ta’ mapep u pubblikazzjonijiet antiki ta’ Żmien il-Kavallieri.

    Is-Sur Schiro għamel preżentazzjoni interessanti ferm dwar riċerka li għamel riċentement u skoperti ta’ mapep ġodda ta’ Żmien l-Assedju l-Kbir. Huwa ta tagħrif dettaljat dwar dawn il-mapep u l-varjazzjonijiet tagħhom u saħansitra spjega l-provenjenza tagħhom u l-esperjenzi tiegħu biex akkwistahom u ġabhom lejn pajjiżna. Huwa saħaq li f’dan il-qasam wieħed qatt ma seta’ jkun ċert li ltaqa’ ma’ kollox jew li ra kollox għaliex dejjem kien hemm il-possibiltà ta’ skoperti ġodda. Żied li kien hemm mapep u materjal ieħor li kienu nstabu f’mużewijiet ta’ pajjiżi barranin u saħansitra f’kollezzjonijiet privati. Waqt l-attività dawk preżenti kellhom ix-xorti jaraw b’għajnejhom uħud mid-dokumenti u oġġetti li saret referenza għalihom fil-preżentazzjoni.

    Is-Sur Schiro faħħar il-ħidma ta’ Dr Albert Ganado li kien il-pijunier tal-istudju dwar mapep antiki u manuskritti. Wara t-taħdita dawk preżenti kienu mistiedna għal tazza nbid fil-ġnien tal-Kappella. Grazzi kbira lil kull min attenda.

    Grazzi tal-kontribut u l-assistenza lil Din l-Art Ħelwa, Kunsill Lokali tal-Gudja, Il-Pizza tal-Baker, Cosecasa u P.A.L – Pace Associates Ltd.

  • Għotja lid-Dar tal-Providenza

    4 ta’ Mejju 2025

    Il-President ta’ SKALI Gudja Dr Simon Manicolo akkumpanjat mit-teżorier, is-Sur Joseph Charles Galdes u l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi, il-Perit John Paul Galdes żaru d-Dar tal-Providenza fejn iltaqgħu mad-Direttur tad-dar Rev. Fr Martin Micallef.

    Matul din iż-żjara r-rappreżentanti ta’ SKALI Gudja ppreżentaw is-somma miġbura fl-attività tal-Erbgħa tat-Tniebri, dik ta’ €210.

    Il-President sostna li din l-attività apparti li kienet issaħħaħ l-aspett spiritwali marbut ma’ dan iż-żmien kienet ukoll toffri sens ta’ karità u altruiżmu għal dawk kollha li attendew. Żied li s-suċċess ta’ dan kollu kien jawgura tajjeb għall-attivitajiet simili fil-futur. Min-naħa tiegħu Rev. Fr Martin Micallef filwaqt li rringrazzja l-Għaqda għal din l-inizjattiva awgura li dan il-ġest jibqa’ jitkattar partikolarment f’dan iż-żmien tas-sena għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li kellhom ħtiġijiet partikolari.

  • Attivita’: Taħt is-Salib – Fjakkolata f’Jum l-Erbgħa tat-Tniebri

    16 ta’ April 2025

    Qed naqsmu magħkom ftit ritratti tal-attività li SKALI Gudja organizzat bil-kollaborazzjoni tal-Arċipriet Fr Norman Zammit, u l-assistenza tal-Kunsill Lokali tal-Gudja nhar l-Erbgħa tat-Tniebri.

    Din kienet l-ewwel attività tax-xorta tagħha li segwiet il-funzjoni fil-Knisja Parrokkjali dakinhar u li kellha l-għan li ssaħħaħ l-ispirtu ta’ talb, riflessjoni u karità marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-ħsibijiet tal-Via Sagra kienu mirqumin sew u l-atmosfera bil-fjakkoli tul il-mixja fil-mogħdija rurali li twassal għall-Kappella Ta’ Loretu kienet suġġestiva. L-attendenza kienet inkoraġġanti ħafna u s-somma miġbura mill-bejgħ tax-xemgħat kienet tammonta għal €210 li ser imorru kollha bħala donazzjoni għad-Dar tal-Providenza. Min attenda seta’ wkoll iżur il-wirja ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Kappella Ta’ Loretu li kienet esebita mill-Familja Grech.

    Nirringrazzjaw lill-Arċipriet tal-opportunità, il-Kunsill Lokali għas-sostenn, lill-voluntiera tal-Kappella Ta’ Loretu tal-għajnuna u lil kull min ingħaqad magħna f’din l-esperjenza. SKALI Gudja tħares ‘il quddiem sabiex tkompli taħdem favur it-tkattir u t-tisħiħ ta’ dak kollu li għandu rabta mal-Gudja.

    Niltaqgħu!

  • Attivita’: Laqgħa Generali Annwali ta’ SKALI Gudja

    9 ta’ Frar 2025

    Matul din il-laqgħa is-Segretarju Sur Christopher Vella ppreżenta ir-Rapport Amministrattiv fejn elenka l-attivitajiet li kellha l-għaqda matul l-2024, filwaqt li s-Sur Joseph Charles Galdes ppreżenta r-Rapport Finanzjarju. Fl-indirizz tiegħu l-President Dr Simon Manicolo fakkar l-għanijiet tal-għaqda bħala l-bażi ta’ kull ħidma li din kellha twettaq u filwaqt li rringrazzja lill-membri tal-kumitat għall-hidma tagħhom fi ħdan l-għaqda u dan minkejja l-impenji tagħhom, ta ħarsa lejn il-programm ta’ attivitajiet u inizzjattivi li beħsiebha timbarka fuqhom l-għaqda għal din is-sena. Semma l-importanza li l-għaqda tkabbar il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħha mir-residenti u dan billi ssaħħah il-komunikazzjoni. Irrefera wkoll għal numru ta’ inizzjattivi li l-għaqda ser tkun qed taħdem fuqhom bil-kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali u għaqdiet oħra bħal Din l-Art Helwa, u oħrajn kemm nazzjonali u lokali, liema inizzjattivi kellhom jiżdiedu ma dawk ġia’ stabbiliti matul l-2024. Fost oħrajn huwa semma l-laqgħat u kollaborazzjoni akbar mal-għaqdiet tar-raħal, il-proġett tal-intervisti dwar il-ħajja fil-Gudja fl-imgħoddi, il-Heritage Trail, u proġett fotografiku u artistiku marbut mal-Gudja. Ħerqanin sabiex nibqgħu naħdmu biex dak kollu li jagħmel lil dan ir-raħal partikolari ikun magħruf u jkun apprezzat aktar. Kull min jixtieq jissieheb fl-għaqda SKALI Gudja, jista jikkuntattjana fuq Facebook. Matul din il-laqgħa, Ms Marija Vella ingħaqdet mal-kumitat bħala kollaboratriċi mal-għaqda.

    Il-Laqgħa Generali Annwali ta’ SKALI Gudja saret f’Birmiftuħ grazzi għal Din l-Art Ħelwa.

    Niltaqgħu ghal-attivita li jmiss dalwaqt!

  • Laqgħa mal-Arċipriet Fr Norman Zammit fid-Dar Parrokkjali

    7 ta’ Frar, 2025

    Għal din il-laqgħa kienu preżenti l-President Dr Simon Manicolo, l-Uffiċċjal ghar-Relazzjonijiet Pubbliċi Perit John Paul Galdes u s-Sur Fabio Scicluna. F’isem SKALI Gudja l-President irringrazzja lill-Arċipriet tal-istima u l-fiduċja li dejjem wera fil-konfront tal-għaqda u l-kollaborazzjoni kontinwa. Żied li SKALI Gudja ser tibqa’ tirsisti sabiex fejn hu possibbli jinġiebu fondi biex ikunu finanzjati u jitkomplew proġetti ta’ restawr fil-Knisja Arċipretali u fil-parroċċa. Il-President irrefera wkoll għal xi inizzjattivi li xtaqet timbarka fuqhom l-għaqda bil-kollaborazzoni tal-Parroċċa. Minn naħa tiegħu l-Arċipriet elenka numru ta’ attivitajiet li kienet ser torganizza l-Parroċċa ghal żmien il-Gimgħa Mqaddsa. Kien hemm xewqa reċiproka li tissaħħaħ u tikber il-kollaborazzjoni għal benefiċċju tar-residenti u l-Parroċċa tal-Gudja.

Din il-websajt qiegħda tiġi sapportjatha minn P.A.L – Pace Associates Ltd

 

Loading Comments...
 

    • Subscribe Subscribed
      • SKALI Gudja
      • Already have a WordPress.com account? Log in now.
      • SKALI Gudja
      • Subscribe Subscribed
      • Sign up
      • Log in
      • Report this content
      • View site in Reader
      • Manage subscriptions
      • Collapse this bar