[1]
Fl-aħħar xhur tal-2019, Infrastruttura Malta ħabbret l-intenzjoni li ttejjeb is-sitwazzjoni tat-toroq madwar ir-roundabout ta’ ħdejn l-Ajruport, permezz ta’ flyover[2] u mina. L-impatt ta’ dan il-proġett ħasseb lil diversi u l-Għaqda SKALI Gudja tinsab ikkonċernata dwar is-salvagwardjar tal-Katakombi ta’ Ħal Resqun, li jinsabu taħt l-imsemmija roundabout (aqra iktar hawn).
Dawn il-Katakombi, minkejja d-daqs tagħhom, huma sinifikanti kemm bħala patrimonju Malti u kif ukoll fuq livell internazzjonali. Dan is-sit instab inċidentalment fl-1887 meta tgħaddiet katusa tal-ilma minn ġo fih. Madanakollu, kien fl-1912 li sar l-ewwel skav mid-Direttur tad-Dipartiment tal-Mużewijiet, Sir Temi Zammit. Dawn il-Katakombi huma deskritti fid-dettall mill-Assoċjazzjoni tal-Arkeoloġija[3]. Il-Katakombi ta’ Ħal Resqun huma fost l-aktar fdalijiet uniċi u importanti taż-żmien Paleo-Kristjani u dan għax fihom tinqixa li ġiet interpretata bħala The Naming of the Animals – L-Annimali Msemmija, li turi lil Adam isemmi lill-annimali tad-dinja. Ta’ min jgħid li din hija sejba unika fid-dinja. Fl-2008 (GN628/08), dan il-monument ġie skedat mill-Awtorità tal-Ippjanar fi Klassi B (it-tieni l-ogħla klassi ta’ skedar għall-arkeoloġija) flimkien ma żona ta’ lqugħ (buffer zone) ta’ 50 metru, hekk kif tistabbilixxi l-proċedura f’dawn il-każijiet.
Bħala Għaqda bl-għan li tipproteġi l-identità Gudjana, SKALI Gudja hija kkonċernata rigward ir-riskji li l-proġett propost minn Infrastruttura Malta jista’ jġib miegħu fuq dan is-sit ta’ sensittività arkeoloġika. Tinsab imħassba kemm fuq l-effetti immedjati (short-term) li ser iħallu t-tqattigħ u l-iskavar ta’ blat u kif ukoll fuq il-proċess ta’ kostruzzjoni. Tinsab imħassba wkoll fuq l-effetti eventwali (long-term) bl-użu kontinwu tat-toroq ġodda li ser iġib dan il-proġett.
SKALI Gudja tirrikonoxxi sforzi diversi li diġà saru minn Infrastruttura Malta li kkummissjonat studji ġeoloġiċi estensivi fiż-żona ta’ lqugħ u flimkien mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kkummissjonat lil Heritage Malta sabiex jiġi ddokumentat fi 3D il-Katakombi permezz ta’ LiDAR Scan biex jiġu mmudellati problemi u soluzzjonijiet tal-proġett. Għal din l-iscan li saret ftit xhur ilu, kien hemm ukoll preżenti wieħed mill-membri ta’ SKALI Gudja.
L-Għaqda tixtieq tikkjarifika xi punti sabiex il-pubbliku jkun sew infurmat:
- L-estent sħiħ tal-Katakombi jinsab mgħotti bir-roundabout iżda l-Katakombi ta’ Ħal Resqun huma bil-bosta iżgħar mill-limiti tagħha.
- Qabel l-1887, dawn il-Katakombi kienu kemxejn ikbar; dan għaliex fil-Katakombi nsibu katusa mserrħa fuq ħajt li għalaq l-aċċess għal waħda mill-apsidi li wieħed jista’ biss jassumi d-daqs tagħha. Għal dan nsibu referenza fil-kitbiet ta’ Sir Temi Zammit.
- F’żona sensittiva għall-arkeoloġija bħalma hu l-madwar ta’ Ħal Resqun, hemm possibbiltà ta’ sejbiet arkeoloġiċi oħra. Għal din ir-raġuni, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qiegħda tinforza l-ingaġġ ta’ arkeologu kkwalifikat, f’kull ħin, għat-tul ta’ dan il-proġett.
Fuq studji tal-pjanti proposti għal dan il-proġett, SKALI Gudja tixtieq testendi dawn ir-rimarki:
- Il-proġett ser jikkapparra 4,012-il metru kwadru ta’ art agrikola sabiex jitwessgħu numru ta’ toroq eżistenti, li jestendu wkoll ġoż-żona ta’ lqugħ madwar il-Kappella ta’ Bir Miftuħ.
- Numru sostanzjali ta’ siġar u pjanti ser jinqalgħu. Sfortunatament ftit huma dawk proposti li jerġgħu jitħawlu.
Minħabba li ser isir xogħol ’il ġewwa miż-żona ta’ lqugħ tal-Katakombi, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali rabtet lil Infrastruttura Malta sabiex tiffinanzja Pjan ta’ Konservazzjoni, imfassal u implimentat mill-istess Sovrintendenza. Kundizzjoni oħra hija s-sottomissjoni u l-approvar ta’ metodoloġija separata għal dawk ix-xogħolijiet li jinsabu f’din iż-żona, li trid tinkludi moniteraġġ tal-vibrazzjonijiet indotti.
SKALI Gudja ser tkun qiegħda ssegwi mill-viċin dan il-proġett. Sa minn qabel it-tnedija tal-Għaqda, diversi membri kienu diġà qegħdin isegwu l-proċess u qajmu punti validi lill-pubbliku u lill-awtoritajiet. Minkejja diversi alterazzjonijiet fil-proġett li saru mit-tħabbira tiegħu, SKALI Gudja għadha mħassba u kkonċernata fuq l-mina li ser tgħaqqad Vjal l-Avjazzjoni minn taħt ir-roundabout u ir-riperkussjonijiet li x-xogħol ta’ tqattigħ jista’ jkollu fuq Ħal Resqun.
Skont il-pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-mina ser tgħaddi biss 6.8 metri ’l bogħod mill-estent magħruf tal-Katakombi[4]. Fil-verità, ix-xogħol ta’ tqattigħ għall-mina ser ikun bla dubju ikbar mill-mina nnifisha u b’hekk mhux ħa tinżamm id-distanza ta’ 6.8 metri mill-Katakombi. Filwaqt li l-Għaqda għandha fiduċja li s-Sovrintendenza tal-Patrmonju Kultrali ser tkun qiegħda tinforza kundizzjonijiet stretti għal dan ix-xogħol, SKALI Gudja xorta temmen li d-distanza ta’ 6.8 metri li tħallew mill-Katakombi mhix biżżejjed. SKALI Gudja konvinta li setgħet tinsab soluzzjoni aħjar.
L-Għaqda SKALI Gudja tifhem li l-akkumulazzjoni ta’ traffiku mar-roundabout tal-Gudja hija problema ċara għar-residenti Gudjani u għal diversi rħula ġirien. Biss tinnota wkoll li x-xogħol fuq proġett ta’ dan id-dimensjoni jpoġġi riskji kbar li wieħed ma jistax jinjora. L-Għaqda għandha riservi fuq il-fiżibilità tal-proġett, b’mod speċjali meta Infrastruttura Malta stess kitbet fid-deskrizzjoni tal-proġett li x-xogħol propost jaf iħalli impatt fuq il-Katakombi. SKALI Gudja tixtieq turi wkoll id-diżappunt tagħha li Infrastruttura Malta fl-ebda stadju fl-ippjanar tal-proġett ma kkonsultat lir-residenti tal-Gudja.
Finalment, ġaladarba l-proġett ser jitwettaq irrispettivament minn probabbiltà għolja ta’ danni fuq is-sit arkeoloġiku u l-ħtif t’art agrikola, l-Għaqda SKALI Gudja tappella lil Infrastuttura Malta sabiex twettaq xogħol tal-ogħla livell u bi preċiżjoni. Hemm bżonn ta’ kawtela stretta, speċjalment meta l-Katakombi ta’ Ħal Resqun jinsabu fiċ-ċentru taż-żona affettwata mit-tqattigħ għall-mina u kull vibrazzjoni indotta ser thedded l-integrità strutturali tal-Katakombi ta’ Ħal Resqun.
[1] Aqra d-deskrizzjoni tal-proġett hekk kif miktuba minn Infrastruttura Malta hawn >>
[2] Ritratt meħud minn doc. 110a ta’ PA/728/20 (Applikazzjoni għall-proġett)
[3] Aqra l-artiklu hawn >>
[4] Ritratt meħud minn doc. 122g ta’ PA/728/20 (Applikazzjoni għall-proġett)