SKALI Gudja
L-Għaqda SKALI Gudja twaqqfet fil-bidu tas-sena 2020 bl-għan li tippromwovi u tħares dak kollu li jsawwar lill-Gudja u ’l-poplu tagħha waqt li toħloq għarfien dwar il-patrimonju Gudjan.
L-għanijiet tal-għaqda
L-għan primarju tal-Għaqda hu li tkattar kuxjenza fost il-Gudjani dwar il-patrimonju tal-Gudja. Dan għandu jingħata iktar importanza, b’mod partikolari forst ir-residenti tar-raħal. L-Għaqda taħdem biex tippromwovi l-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli sabiex issir mill-inqas ħsara lil dak li jsawwar l-identità tagħna bħala raħal. SKALI Gudja taħdem ukoll biex tissalvagwardja, tippromwovi u toħloq għarfien akbar dwar l-użanzi, il-kultura u l-patrimonju intanġibbli tal-Gudja filwaqt li sservi wkoll ta’ vuċi fuq aspetti li jkunu qed jolqtu l-ġid komuni tar-raħal.
Xi tfisser SKALI
SKALI hija akronimu tal-ħames pilastri li fuqhom hija mibnija l-Għaqda.
STORJA – KULTURA – AMBJENT – LEĦEN – IDENTITÀ


Xi Jfisser il-Logo
Id-disinn eżistenti huwa l-ewwel logo tal-Għaqda, deċiż fl-ewwel xhur tal-Għaqda minn fost il-membri fundaturi. Dan jixbah lil żigarella ta’ lewn ħamrani, mitnija seba’ darbiet. Kemm il-kulur, kif ukoll il-forma huma mxebbha mal-arma tal-Gudja, bid-differenza li waħda hija orizzontali u l-oħra vertikali. Is-seba’ (7) ponot tal-arma Gudjana li fil-każ tal-logo huma seba’ (7) tinjiet, ifakkru fis-seba’ (7) parroċċi li ħarġu minn dik Gudjana, hekk kif tgħidilna l-istorja. Il-lewn ħamrani ġej mill-kulur aħmar ta’ din l-arma. Il-forma vertikali ta’ dan il-logo, tista’ wkoll tiġi interpretata bħal sellum, b’kull faxxa turi skaluna differenti jew skala. Il-logo uffiċjali jinkorpora wkoll l-isem SKALI Gudja fuq il-lemin tad-disinn.
SKALI Gudja hija rikonoxxuta fir-Reġistru tal-Għaqdiet Volontarji kif ukoll fir-Reġistru t’Għaqdiet mhux Governattivi Kulturali.


Ara x’kellu xi jgħid il-President dwar l-Għaqda, waqt intervista fuq ir-radju
