SKALI Gudja
L-Għaqda SKALI Gudja twaqqfet fil-bidu tas-sena 2020 bl-għan li tippromwovi u tħares dak kollu li jsawwar lill-Gudja u ’l-poplu tagħha waqt li toħloq għarfien dwar il-patrimonju Gudjan
Nhar il-Ħadd 29 ta’ Dicembru 2019, Bertram Portelli laqqa’ grupp ta’ żgħażagħ mill-Gudja ġewwa Talbot & Bons fi Skyparks fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex jiddiskutu l-ħsieb li tiġi ffurmata għaqda li tippromovi u tiddefendi l-patrimonju tal-Gudja. Flimkien ma’ Bertram Portelli kien hemm preżenti għal din il-laqgħa wkoll, Andrea Gatt, Karl Anthony Borg, James Cutajar, Lorella Spiteri, Kurt Slattery, Fabio Scicluna, Joseph Charles Galdes u Marthese Formosa. Brandon Caruana kien skużat minħabba impenji oħra. Matul din il-laqgħa gie diskuss l-ħsieb wara l-proposta li tiġi ffurmata din l-Għaqda kif ukoll jekk in-nies preżenti kinux interessati li jagħtu l-kontribut taghhom. Ġie stabbilit li n-nies prezenti qablu mal-proposta u offrew li jagħtu s-sehem tagħhom biex din l-Għaqda ssir realtà.
L-ewwel laqgħa uffiċjali
Nhar il-Ħadd 19 ta’ Jannar 2020 fl-istess stabiliment, Bertram sejjaħ laqgħa għall-membri fundaturi ta’ din l-Għaqda. Din kienet il-ġurnata tat-twaqqif uffiċjali tal-Għaqda. Matul din il-laqgħa saru l-ewwel elezzjonijiet biex jiġu eletti l-ewwel membri tal-kumitat. L-elezzjonijiet ħadu s-sura ta’ vot sigriet fejn l-individwu wera x-xewqa għall-kariga partikulari u ġie ssekondat minn membru ieħor. Bertram Portelli ġie elett bħala l-ewwel President tal-Għaqda wara li ġie elett bla kontestazzjoni. Andrea Gatt ġie elett bħala l-ewwel viċi president u Joseph Charles Galdes ġie elett bħala l-ewwel segretarju. James Cutajar ġie elett bħala l-ewwel tezorier waqt li Brandon Caruana ġie elett bħala l-ewwel PRO tal-Għaqda. Fabio Scicluna u Lorella Spiteri ġew eletti wkoll bħala membri tal-Kumitat. Aktar tard Fabio Scicluna gie inkarigat bħala Assistent Segretarju


L-ewwel kumitat
L-ewwel kumitat ġie magħżul minn fost l-għaxar membri fundaturi tal-Għaqda, nhar id-19 ta’ Jannar 2020. Dawn kienu:
- Bertram Portelli (President),
- Andrea Gatt (Viċipresident),
- Joseph Charles Galdes (Segretarju Ġenerali),
- James Cutajar (Teżorier),
- Brandon Francis Caruana (Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi),
- Fabio Scicluna (Assistent Segretarju) u
- Lorella Spiteri (Membru fil-Kumitat).
Iktar tard, mal-approvazzjoni tal-ewwel statut, il-kumitat kiber għal disa’ membri, fejn żdiedu:
- Kurt Slattery (Membru fil-Kumitat) u
- Marthese Formosa (Membru fil-Kumitat).
It-Tnedija tal-Għaqda
SKALI Gudja ħabbret l-attività A Punic Discovery – Skoperta Punika bil-kollaborazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għall-okkażjoni tal-Jiem Ewropej tal-Wirt. Din l-attività li ttellgħet nhar is-Sibt 3 t’Ottubru 2020, mhux biss kienet l-ewwel waħda tal-Għaqda, imma kienet ukoll it-tnedija uffiċjali tagħha.
F’din l-attività kienu esebiti fdalijiet puniċi, wara li f’Awwissu ta’ qabel kienu nstabu fdalijiet ta’ madwar 2500 sena fil-limiti tal-Gudja. SKALI Gudja laħqet ftehim mas-Sovrintendenza sabiex mhux biss jiġu esebiti dawn il-fdalijiet fil-Gudja, iżda biex l-attività tkun ukoll mezz ta’ tagħlim għall-pubbliku ġenerali. Għal din l-attività kien hemm iċ-ċans li l-pubbliku jitgħallem jaħsel il-fuħħar u jitgħallem fuq l-istudji osteoloġi. Dan kien possibbli bis-sapport ta’ Din L-Art Ħelwa u tal-Kunsill Lokali tal-Gudja li taw is-sapport tagġhom sabiex tiġi organizzata ġurnata ta’ workshops, taħditiet u esebizzjoni ġewwa Birmiftuħ.
Għal din l-attività attenda il-Ministru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, l-Onor. Dr. Jose’ Herrera, kif ukoll is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali, is-Sur Joseph Magro Conti u rappreżentanti mill-Kunsill Lokali u minn Din l-Art Ħelwa. Saru diskorsi tal-okkażjoni, mxandra live fuq Facebook, mill-Ministru Herrera, mill-Koordinatur għall-Jiem Ewropej tal-Wirt, is-Sur Kevin Borda u mill-ewwel President tal-Għaqda SKALI Gudja, is-Sur Bertram Portelli.






Segwi hawnhekk siltiet mit-tnedija tal-Għaqda
