Bejn ilbieraħ u llum, il-Viċipresident tal-Għaqda, Fabio Scicluna, attenda żewġ ċerimonji simboliċi tal-Għoti tal-Fondi, wara li fl-aħħar ġimgħat tal-2022, SKALI ġiet infurmata li ż-żewġ applokazzjonijiet li ssottomettiet sabiex tikseb xi fondi ġew aċċettati.
Ilbieraħ filgħaxija nżammet iċ-ċerimonja tal-iskema A4U tal-Aġenzija Żgħażagħ, preseduta mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onor. Keith Azzopardi Tanti. F’din iċ-ċerimonja ngħataw il-fondi li permezz tagħhom l-Għaqda se tinvesti f’għodda u materjal li jgħinuha fil-ħidma tagħha.

Iktar kmieni dalgħodu, ġewwa l-Valletta Design Cluster, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, l-Onor. Dr. Owen Bonnici ppresieda ċ-ċerimonja tal-għoti tal-fondi tar-Restoration Funding Scheme, b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u d-Direttorat tar-Restawr. Din l-iskema nħarġet għall-għaqdiet u knejjes sabiex b’kollaborazzjoni japplikaw għar-restawr ta’ patrimonju mobbli. Flimkien mal-Parroċċa tal-Gudja, SKALI applikat għal din l-iskema u kklassifikat fit-tielet post. Permezz ta’ dawn il-fondi, ser isir ir-restawr tal-pittura tat-Trinita, li tinsab fil-Knisja Arcimatrici u Arcipretali ta’ Santa Marija tal-Gudja mill-konservattriċi, Ms Amy Sciberras. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-Arċipriet, il-Kan. Dun Norman Zammit.





