SKALI Gudja għajtet ‘l membri tal-għaqda kollha sabiex jiparteċipaw fil-Laqgħa Ġenerali Annwali għas-sena 2023, nhar id-29 ta’ Jannar, ġewwa il-Kappella ta’ Birmiftuħ. Filwaqt li din il-laqgħa kienet opportunità tajba sabiex il-membri jiltaqgħu mal-Kumitat, il-LĠA hija wkoll rekwiżit importanti għal kull għaqda jew entità.
Il-President Bertram Portelli laqa’ lil dawk preżenti, b’diskors riflessiv fuq is-sena 2022. Huwa irrimarka kif diġà ninsabu f’nofs dan it-terminu tat-tieni -kumitat. Kienet sena impenjattiva immens wara ċ-ċirkustanzi tal-pandemija, sena li fiha l-Għaqda setgħet iżżid sew il-ħidma tagħha permezz tal-attivitajiet, kif ġie ppreżentat iktar tard fir-rapport amministrattiv. Kompla billi qal li filwaqt li ma naqsitx il-preżenza fuq il-media soċjali, anzi żdiedet bit-tnedija tas-sit, żdiedu wkoll l-attivitajiet mal-pubbliku. B’sodisfazzjon, il-President tal-Għaqda nnota kif l-attendenza tal-pubbliku bdiet tiżdied minn attività għall-oħra. Kienet sena fejn l-Għaqda kompliet tistabilixxi lilha nnifisha, fosthom b’żewġ rikonoxximenti importanti, dik mill-Ministru Bonniċi, meta inkorpora lill-Għaqda fir-Reġistru t’Għaqdiet mhux Governattivi Kulturali kif ukoll meta fil-15 ta’ Lulju l-Għaqda ġiet mgħotija Ġieħ il-Gudja mill-Kunsill Lokali. L-2022 kienet ukoll is-sena li fiha nfetaħ il-proċess ta’ sħubija, fejn inkitbu ‘l fuq minn 50 membru ġdid. Kienet ukoll is-sena li fiha SKALI Gudja applikat u bbenefikat minn żewġ skemi ta’ Fondi: l-A4U u ir-Restoration Funding Scheme (ara iktar hawn).
Il-President Bertram Portelli kkonkluda id-diskors tiegħu b’numru ta’ ringrazzjamenti. Beda billi rringrazzja lill-membri tal-Kumitat tal-ħidma bla heda tagħhom tul is-sena kollha u tas-sagrifiċċju li jagħmlu biex jagħtu ħinhom u l-enerġija tagħhom għall-Għaqda. Irringrazzja wkoll lill-Gudjani kollha li aktar ma jgħaddi x-xhur, aktar qed isiru jafu lill-Għaqda tagħna u juru s-sostenn tagħhom kif ukoll lill-isponsors li jgħinuna fil-ħidma tal-Għaqda u lil dawk in-nies li minkejja li m’għandhomx rabta diretta mal-Gudja jagħtuna s-sapport u s-sostenn tagħhom. Fl-aħħar, irringrazzja wkoll lill-Għaqdiet minn madwar il-pajjiż li jikkollaboraw ma’ SKALI Gudja fl-attivitajiet li torganizza.
Il-laqgħa kompliet billi ngħata rendikont tal-ħidma tal-Għaqda mis-Segretarju Ġenerali Joseph Charles Galdes, u r-rapport finanzjarju mit-Teżorier James Cutajar. F’din il-laqgħa ġew ikkonfermati mill-ġdid il-membri fuq il-Bord ta’ Dixxiplina kif ukoll ġew approvati numru t’emendi għal-istatut tal-Għaqda. Din il-LĠA kienet immexxija mis-Sur Nikolai Debono, is-Segretarju Ġenerali tal-għaqda Battleront Living History Group.











