Ilbieraħ, 25 ta’ Jannar, SKALI Gudja laqgħet il-membri għal-Laqgħa Ġenerali Annwali (LĠA) fil-Kappella ta’ Bir Miftuħ, sabiex tippreżenta l-ħidma tagħha matul is-sena 2023 u ttella’ kumitat ġdid għat-terminu 2024-2026.
Il-laqgħa bdiet fis-6:34PM b’messaġġ ta’ merħba mill-President Bertram Portelli, li fih ħabbar uffiċjalment li ma kienx qed jerġa’ jikkontesta għat-terminu li jmiss. Hu rringrazzja ‘l kull min ħadem miegħu tul l-4 snin, jiġifieri mit-twaqqif tal-Għaqda sa issa.
Il-laqgħa kompliet bl-elezzjoni tas-sedja, fejn ġie elett sabiex imexxi din il-laqgħa l-Prof. Ruben Paul Borg, Professur fil-Fakultà tal-Ambjent Mibni fl-Università ta’ Malta u Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Malta Industrial Heritage Association. Il-Prof. Borg stieden lis-Segretarju Ġenerali, is-Sur Joseph Charles Galdes sabiex jaqra l-minuti tal-Laqgħa Annwali Ġenerali preċedenti, li ġew approvati mill-membri preżenti.
Ġew preżentati r-Rapport ta’ Ħidma mis-Segretarju Ġenerali, u r-Rapport Finanzjarju mit-Teżorier, il-Perit James Cutajar, u t-tnejn ġew approvati. Hawn it-Teżorier Cutajar irrimarka li dan kien għalih ukoll l-aħħar terminu fi SKALI Gudja. Wara dawn ir-rapporti, is-Sedja ħabbret li l-Kumitat Ċentrali huwa xolt u kompliet billi talbet ‘il-Viċipresident uxxenti, is-Sur Fabio Scicluna, sabiex jippreżenta l-proposta għal membri tal-Bord tad-Dixxiplina. Is-Sedja tal-Bord ser ikun is-Sur Bertram Portelli, membru fundatur tal-Għaqda SKALI Gudja, flimkien man-Nutar Gudjana, is-Sinjorina Nicole Abela u s-Sinjorina Gillian Asciak, Arkeologa mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Din il-proposta ġiet approvata mill-membri preżenti.
Is-Sur Fabio Scicluna u s-Sur Joseph Charles Galdes ġew mistiedna jippreżentaw l-emendi għall-istatut li rċieva l-Kumitat. Ġew preżentati 4 emendi u kollha ġew approvati. Żewġ emendi li jaffettwaw il-5 Kapitlu, fejn ġie introdott il-kunċett ta’ Assistenti Amminstrattivi, waħda fit-3 Kapitlu fejn żdied mal-għanijiet tal-Għaqda l-Kustodja ta’ bini storiku u oħra r-4 Kapitlu, fejn affettwat ir-rekwiżiti sabiex tivvota fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.
Wara l-emendi tal-istatut il-Laqgħa kompliet bl-elezzjoni tal-Perit James Cutajar bħala Kummissarju Elettorali, li spjega l-andament tal-votazzjoni u preżenta n-nomini li waslu għand il-Kumitat għall-karigi tal-Kumitat. Billi ma kienx hemm iktar minn nominazzjoni waħda għal kull kariga, il-vot kien ta’ ‘IVA’ jew ‘LE’. L-erba’ nominazzjonijiet ġew approvati u l-kandidati eletti kienu
– Dr Simon Manicalo bħala President;
– Is-Sur Christopher Vella bħala Segretarju Ġenerali;
– Is-Sur Joseph Charles Galdes bħala Teżorier; u
– Il-Perit John Paul Galdes li ser iservi għal terminu ieħor bħala Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi.
Il-President għamel l-ewwel diskors tiegħu, u beda billi rringrazzja mill-qalb lill-membri tal-kumitat uxxenti għall-ħidma bla waqfien sabiex fiż-żmien li servew fil-kumitat ta’ SKALI Gudja din issir vuċi importanti dwar dak kollu li jirrigwardja lill-Gudja. Huwa rringrazzja lill-kumitat uxxenti talli b’mod għaqli ħoloq l-istrutturi amministrattivi neċessarji sabiex l- Għaqda tiffunzjona b’mod professjonali u effettiv. Huwa stieden lill-membri kollha uxxenti biex ikomplu jassistu l-Għaqda fil-missjoni tagħha.
Huwa rringrazzja lis-Sur Bertram Portelli u s-Sur Fabio Scicluna li nnominawh biex jikkontesta għal din il-kariga. Il-Presidenti qal li għalih din il-pożizzjoni kienet iġġib magħha responsabbiltà kbira u dan għaliex SKALI Gudja mhix għaqda kwalunkwe. Sa mill-oriġini tagħha l-ħidma mwettqa mill-Għaqda dejjem saret f’kuntest ta’ rabta ta’ grupp ta’ żgħażagħ mar-raħal fejn twieldu. Ir-ruħ li ngħatat l-Għaqda minn dan il-grupp ta’ żgħażagħ, li mill-ħin limitat tagħhom ingħaqdu flimkien biex jagħtu xi ħaġa lura lill-Gudja u lir-residenti, kien element kruċjali u ta’ valur kbir u li kien jeħtieġ li jiġi ppreservat għal dawk li jiġu wara. Huwa saħaq li kien importanti li l-karattru, l-istorja, il-kultura u l-ambjent marbutin ma’ dan ir-raħal żgħir li iżda bi storja kbira u importanti, kellhom jiġu mħarsa.
Il-President stqarr li hu jħoss li kull resident għandu jħossu parti minn SKALI Gudja. Dr Manicolo qal li din għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-Għaqda u allura għandha titkompla u tissaħħaħ il-ħidma fil-qasam tal-komunikazzjoni tal-messaġġ tal-Għaqda u toħroġ aktar fl-apert l-eżistenza tagħha.
Il-President qal li fil-Gudja hemm ħafna persuni b’abbiltajiet u kapaċitajiet li kien jeħtieġ li wieħed jagħraf jiġborhom, jippreservahom għall-prosperità u l-memorja u kif ukoll biex isiru aċċessibbli għall-pubbliku. Temm jgħid li l-istorja, it-tradizzjonijiet u l-ambjent li kien mogħni bihom ir-Raħal tal-Gudja kienu jeħtieġu jiġu dejjem aktar magħrufa, apprezzati u protetti u din hija l-ħidma ta’ SKALI Gudja.
Wara dan id-diskors u skont il-Kapitlu 5 tal-istatut hekk kif emendat fl-istess laqgħa, liema emendi kienu jintroduċi l-għażla ta’ Assistenti Amministrattivi, il-President talab l-approvazzjoni tas-Sinjorina Maria Serpina bħala Assistenta Amministrattiva għas-Segretarju Ġenerali, u tas-Sur Fabio Scicluna bħala Assistent Amministrattiv għall-President. Din it-talba ntlaqgħet unanimament minn dawk il-membri preżenti u għalhekk is-Sinjorina Serpina u s-Sur Scicluna saru l-ewwel Assistenti Amministrattivi tal-Għaqda fir-rwol speċifiku tagħhom.
Is-Sedja ddikjarat il-laqgħa konkluża fis-7:23PM.
L-Għaqda SKALI Gudja tirringrazzja lill-membri tal-Kumitat uxxenti tal-ħidma tagħhom f’dan it-terminu. Tirringrazzja wkoll lis-Sedja l-Prof. Borg u fuq kollox lil Din l-Art Ħelwa tal-użu tal-Kappella Medjevali ta’ Bir Miftuħ.







