, , ,

Laqgħa mal-Kunsill Lokali tal-Gudja

2 ta’ Settembru, 2024

SKALI Gudja kellha laqgħa kordjali mal-Kunsill Lokali tal-Gudja mmexxija mis-Sindku s-Sur Romeo Baldacchino. SKALI Gudja kienet rappreżentata mill-President Dr Simon Manicolo u l-membri l-Perit John Paul Galdes PRO u s-Sur Joseph Charles Galdes Teżorier. Waqt introduzzjoni qasira l-President qal li din hija għaqda volontarja bl-għanijiet primarji tagħha huma dawk li tippromwovi u ġġib ‘il quddiem isem il-Gudja billi ssaħħaħ l-għarfien dwar l-istorja u l-patrimonju li dan ir-raħal hu mżejjen bih, kif ukoll taħdem biex dan jiġi ppreservat għal ġenerazzjonijiet futuri. Il-President tkellem dwar il-proġetti u l-inizjattivi passati u dawk ippjanati għax-xhur li ġejjin u talab fejn kien possibbli s-sostenn u l-għajnuna tal-Kunsill Lokali anke fil-kuntest tal-fatt li għall-finanzjament tal-attivitajiet tagħha SKALI Gudja kienet tiddependi ħafna fuq fondi minn skemi governattivi u/jew mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll donazzjonijiet. Kien hemm qbil illi l-limitazzjonijiet fil-qasam tal-volontarjat kienu tali li kien hemm ħtieġa ta’ aktar koordinazzjoni u kollaborazzjoni bejn il-Kunsill u l-għaqdiet sabiex kull riżorsa kemm umana kif ukoll finanzjarja tintuża tajjeb u b’mod vijabbli u effettiv. Il-Presidenti qal li kien wasal iz-zmien li SKALI Gudja jkollha sede uffiċċjali tagħha. In vista tal-fatt li l-Kunsill kien qed ifittex post ġdid li kellu jservi l-ħtiġijiet amministrattivi tiegħu, Dr Manicolo talab lill-Kunsill jikkonsidra jalloka spazju bi ħlas nominali fl-istess binja. Min-naħa tiegħu s-Sindku filwaqt li semma xi attivitajiet li kien qed jippjana l-Kunsill, irringrazzja lill-Għaqda għall-ħidma tagħha u wiegħed kull għajnuna possibbli u kif ukoll l-appoġġ sħiħ tal-Kunsill għaliex jemmen fil-potenzjal li toffri l-lokalità u dan ukoll kien impenjat bis-sħiħ għall-ġid tal-Gudja u r-residenti.


Iktar Aġġornamenti