9 ta’ Frar 2025
Matul din il-laqgħa is-Segretarju Sur Christopher Vella ppreżenta ir-Rapport Amministrattiv fejn elenka l-attivitajiet li kellha l-għaqda matul l-2024, filwaqt li s-Sur Joseph Charles Galdes ppreżenta r-Rapport Finanzjarju. Fl-indirizz tiegħu l-President Dr Simon Manicolo fakkar l-għanijiet tal-għaqda bħala l-bażi ta’ kull ħidma li din kellha twettaq u filwaqt li rringrazzja lill-membri tal-kumitat għall-hidma tagħhom fi ħdan l-għaqda u dan minkejja l-impenji tagħhom, ta ħarsa lejn il-programm ta’ attivitajiet u inizzjattivi li beħsiebha timbarka fuqhom l-għaqda għal din is-sena. Semma l-importanza li l-għaqda tkabbar il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħha mir-residenti u dan billi ssaħħah il-komunikazzjoni. Irrefera wkoll għal numru ta’ inizzjattivi li l-għaqda ser tkun qed taħdem fuqhom bil-kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali u għaqdiet oħra bħal Din l-Art Helwa, u oħrajn kemm nazzjonali u lokali, liema inizzjattivi kellhom jiżdiedu ma dawk ġia’ stabbiliti matul l-2024. Fost oħrajn huwa semma l-laqgħat u kollaborazzjoni akbar mal-għaqdiet tar-raħal, il-proġett tal-intervisti dwar il-ħajja fil-Gudja fl-imgħoddi, il-Heritage Trail, u proġett fotografiku u artistiku marbut mal-Gudja. Ħerqanin sabiex nibqgħu naħdmu biex dak kollu li jagħmel lil dan ir-raħal partikolari ikun magħruf u jkun apprezzat aktar. Kull min jixtieq jissieheb fl-għaqda SKALI Gudja, jista jikkuntattjana fuq Facebook. Matul din il-laqgħa, Ms Marija Vella ingħaqdet mal-kumitat bħala kollaboratriċi mal-għaqda.
Il-Laqgħa Generali Annwali ta’ SKALI Gudja saret f’Birmiftuħ grazzi għal Din l-Art Ħelwa.
Niltaqgħu ghal-attivita li jmiss dalwaqt!




